Il-Prim Ministru Joseph Muscat – kuxjenzjożament jew le – qiegħed jippermetti Korp tal-Pulizija indifferenti u passiv fil-konfront ta’ kaċċaturi irresponsabbli li qed jisparaw fuq tajr protett u filwaqt li jikkaġunaw ħsarat ambjentali, qed ikunu ta’ isem ħażin fil-konfront ta’ eluf ta’ kaċċaturi responsabbli.
In-Nazzjon illum qed jirraporta li kaċċaturi li tkellmu mal-ġurnal wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-mod kif il-Pulizija ma hix kapaċi tieħu passi biex jinqabdu persuni irresponsabbli li qed jiksru l-Liġi u jisparaw fuq tajr protett. Bħalissa l-istaġun tal-kaċċa f’Malta hu miftuħ wara li fetaħ fl-1 ta’ Settembru 2017 u issa se jgħalaq fl-aħħar ta’ Jannar 2018.
Dawn il-kaċċaturi qalulna li ma saret tgħaddi l-ebda ġurnata li ma jkunux rapportati każijiet ta’ tajr protett maqtul jew milqut, xi drabi tajr milqut serjament tant li jkollu jitraqqad.
Dawn fakkru li qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, f’kaċċa għall-voti, il-Prim Ministru kien wiegħed azzjoni ħarxa u viġilanti fil-konfront ta’ kaċċaturi irresponsabbli li jisparaw fuq tajr protett. “Dawn il-kaċċaturi irresponsabbli qed jagħmlu ħsara kbira lid-delizzju u lil min tassew iħobb il-kaċċa iżda josserva l-liġijiet tal-pajjiż.”
Il-kaċċaturi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal ilbieraħ fissru s-sodisfazzjon tagħhom li kemm-il Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) u Kaċċaturi San Ubertu (KSU), ikkundannaw l-aġir irresponsabbli ta’ kaċċaturi egoisti u qalu li dawn il-kaċċaturi li qed iwettqu dawn l-atroċitajiet qed iħammġu isem il-kaċċa f’Malta u jikkawżaw dannu għal dawk il-kaċċaturi li jimxu mal-liġi.
L-istess kaċċaturi osservaw li jkun tajjeb li l-FKNK tkun infurmata mill-awtoritajiet meta jidħlulha rapporti dwar kaċċa illegali, biex tkun tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet. Huma qablu wkoll mal-awgurju tal-KSU li l-Gvern japplika l-pieni massimi għal min jikser il-liġi.
Madankollu, komplew il-kaċċaturi li tkellmu ma’ In-Nazzjon, kollox jindika li l-Pulizija qed tabdika mir-responsabbiltà tagħha li tkun għassiesa tal-liġi u viġilanti fix-xogħol tagħha u għalhekk kaċċaturi irresponsabbli qed ikomplu jagħmlu li jridu u l-lista ta’ tajr protett maqtul jew milqut qed tkompli titwal.
Ta’ min jgħid li fil-jiem li għaddew BirdLife Malta kompliet tesponi l-problemi tal-kaċċa illegali fl-istaġun tal-kaċċa billi wriet fil-pubbliku aktar għasafar protetti li nġabru fl-aħħar ġranet. Fuq tnejn minn dawn it-tjur protetti hemm sinjali ċari ta’ tiri tal-kaċċa waqt li l-oħrajn għadhom qed ikunu analizzati mill-veterinarju.
B’kollox mit-3 ta’ Settembru ‘l hawn inġabru għadd ġmielu ta’ tajr protett li kienu feruti b’tiri.
Kollox jindika li s-sitwazzjoni tal-kaċċa illegali fl-istaġun tal-kaċċa saret waħda kbira daqskemm kienet qabel proprju minħabba li mhux qed ikun hemm kontrolli mill-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru mhux iżomm kelmtu meta qabel l-Elezzjoni kien wiegħed li se jkun hemm tolleranza żero fuq l-abbużi ta’ kaċċa illegali iżda fil-fatt mhu qed isir xejn biex l-abbużi jkunu mwaqqfa.
Interessanti l-fatt li donnu li fil-preżent il-kaċċa qed issir kullimkien… fl-irħula u l-lokalitajiet kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan qed iwassal biex qed jinġabru għasafar feruti mil-lokalitajiet kollha inkluż Ħal Qormi, il-Birgu, Ħal Għaxaq, Marsaskala, Manoel Island u Mġarr ix-Xini. Madwar il-Ministeru għall-Ambjent hemm persuni li jaġevolaw lil kaċċaturi irresponsabbli.
Quddiem dan kollu, fil-preżent il-Korp tal-Pulizija qiegħed jalloka biss għaxar Pulizija biex jikkontrollaw xejn inqas minn 11,000 kaċċatur.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju redikolu kollu, il-Partit Nazzjonalista mhux biss qiegħed jikkundanna l-qtil ta’ tjur protett, imma qiegħed jappella wkoll lill-kaċċaturi responsabbli biex jikkoperaw mal-awtoritajiet konċernati u jirrappurtaw fejn jaraw li qed tinkiser il-liġi.
Il-Partit Nazzjonalista qed juri d-diżapprovazzjoni tiegħu lejn il-Gvern, u kritikah li qed ifalli milli jinforza l-liġi f’dan is-settur u milli jwaqqaf każijiet bħal ta’ dawn l-aħħar jiem milli jseħħu.
//= $special ?>