Lokali Qorti

“Il-vittma kien diġa’ mal-art meta għaddiet il-karozza minn fuqu” – it-Tabib Mario Scerri

Il-ġrieħi li kellu l-vittma John Spiteri jindikaw li x’aktarx kien diġà mal-art meta intlaqat mill-karozza li għaddiet minn fuqu. Sostna dan l-espert forensiku, it-tabib Mario Scerri meta dalgħodu xehed fil-ġuri fil-konfront ta’ Gerald Galea, li jinsab akkużat bil-qtil volontarju ta’ John Spiteri.

Galea ta’ 67 minn Marsalforn, Għawdex, jinsab akkużat bil-qtil volontarju ta’ John Spiteri ta’ 45 sena. Id-delitt kien seħħ fil-Qbajjar Għawdex fid-19 ta’ Ġunju 2013 fit-3.15p.m. meta il-vittma, flimkien ma’ ibnu Matthew Spiteri, kien qed jiżbor siġar biex jagħmel spazju għal gabbana. F’mument minnhom tfaċċa l-akkużat bil-karozza tiegħu jilmenta dwar dan. L-argument eskala, u wara li allegatament dar numru ta’ drabi madwar il-parkeġġ, Galea allegatament saq fuq Spiteri.

Ir-raġel, iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’qagħda kritika u tilef ħajtu ftit siegħat wara.  Minbarra l-qtil volontarju ta’ John Spiteri, Gerald Galea jinsab akkużat ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Matthew Spiteri u li kkaġuna ħsarat kbar fuq vettura li ma kienitx tiegħu.

“Fuq il-katavru ma jidhirx li hemm evidenza ta’ impatt primarju ma’ karozza, jiġifieri ksur u laċerazzjonijiet fir-riġlejn. Lanqas ma’ kien hemm effetti ta’ impatt sekondarju fuq il-bonnet u l-windscreen ta’ karozza meta persuna tkun ittajjret minn vettura. Mill-ġrieħi li ġarrab, ma jirriżultax li l-vittma qalgħet daqqa frontali minn vettura,” xehed it-tabib Scerri, waqt il-kontroeżami mid-Difiża.

L-Avukat Arthur Azzopardi irrefera għax-xhieda tax-xhud okulari Joseph Axiaq waqt il-kumpilazzjoni tal-każ li kien qal li f’sekonda, dan (il-vittma) waqa’ u l-karozza għaddiet minn fuqu. It-tabib Scerri qal li skont il-konklużjonijiet tiegħu, ix-xhieda ta’ Axiaq hi plawsibbli.

Għaldaqstant jekk il-marki saru mill-qiegħ tal-karozza, jista’ jikkonkludu li meta l-karozza għaddiet minn fuqu, il-vittma kien wiċċu ‘l isfel. Hu kkonferma wkoll li jista’ jkun li l-laċerazzjoni fuq rasu setgħu kienu daqqa minn parti minn qiegħ tal-karozza.

Matul is-seduta ta’ filgħodu fil-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, it-Tabib Scerri daħal fid-dettall fl-eżamijiet mediċi li kien għamel fuq il-vittma John Spiteri, fuq l-akkużat Gerald Galea u iben il-vittma Matthew Spiteri.

Dwar l-eżami estern fuq il-vittma, it-Tabib Scerri qal li Spiteri kellu diversi brix u tbenġil fuq il-wiċċ u r-ras, bl-iktar ferita serja kienet laċerazzjoni fuq ir-ras ikkawżati minn oġġetti iebes. Fuq il-lemin taż-żaqq, kien hemm barxa estensiva li hi konsistenti ma’ ferita li tiġi kkawżata meta persuna titkaxkar, u oħra inqas estensiva fuq in-naħa tax-xellug. Fuq in-naħa tad-dahar ‘l isfel kien hemm brix li huma konsistenti ma’ ħakk ma’ tyre ta’ karozza. Hu kompla li l-preżenza ta’ ċertu ġrieħi jeskludu kawżi partikolari. Fil-fatt, it-Tabib Scerri ikkonkluda l-karozza għaddiet minn fuq il-vittma iżda ma rifsitux bir-roti.

CT Scan fuq il-vittma indikat ksur f’għonqu u fil-gerżuma, kif ukoll ksur fi kważi l-kustilji kollha. It-tabib Scerri qal li dawn il-ġrieħi huma konsistenti ma’ meta persuna tkun sfat mgħaffġa.

Meta mistoqsi fil-kontroeżami, it-Tabib Mario Scerri ikkonferma li l-vittma kien wiċċu ‘l isfel meta għaddiet minn fuqu l-vettura.

Hu qal li l-vittma iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’qagħda kritika, bi pressjoni baxxa u qalb tħabbat b’rata mgħaġġla ħafna. Minkejja l-isforzi mediċi kollha, Spiteri kompla jmur għall-agħar sakemm qalbu waqfet fit-8.10p.m. Tentattivi ta’ rescuscitation ma rnexxewx u konsegwentement kien iddikjarat mejjet fit-8.30p.m

It-Tabib Mario Scerri eżamina wkoll lill-akkużat Gerald Galea. Fil-fatt Galea kellu ġrieħi serji f’wiċċu fosthom impatt vjolenti fuq għajn Gerald Galea li kkaġunat ksur f’nagħsu u f’imnieħru, liema feriti huma kompatibbli ma’ daqqa ta’ ponn. Hu kellu wkoll ġrieħi inqas gravi fuq geddumu.

Mistoqsi mid-difiża, it-Tabib Scerri qal li mill-ġrieħi tal-akkużat Gerald Galea hemm probabbilta’ li l-akkużat qala’ minimu ta’ erba’ daqqiet ta’ ponn f’wiċċu. Kompla li trid daqqa qawwija ħafna biex tikkawża ksur tal-għadam ta’ madwar l-għajn. “Tara l-passjoni tal-bambin meta taqla’ daqqa bħal din. L-uġiegħ ikun tant qawwi li tista’ anki jħossok ħażin,” tenna t-Tabib Scerri.

L-Espert mediku eżamina wkoll lil Matthew Spiteri, iben il-vittma u sab numru ta’ grif u tbenġila li saru iktar minn ġurnata qabel u għaldaqstant ma kellhomx x’jaqsmu mal-inċident. Min-naħa l-oħra, it-Tabib Scerri xehed li Spiteri kellu nefħa fuq id-dahar ta’ idu l-leminija.

Meta mistoqsi fil-kontroeżami, it-Tabib Scerri ikkonferma li n-nefħa kienet kompatibbli mal-ħin tal-inċident u qal li din in-nefqa hi riżultat ta’ impatt li tista’ tkun kemm jekk qala’ kif ukoll jekk ta daqqa ta’ ponn.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Giannella Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi qed jidhru għal Galea. L-Avukat Joe Giglio qed jidher parte civile għall-familja Spiteri.

Il-ġuri ikompli waranofsinhar