Lokali

L-MDA bi proposti biex ikunu ndirizzati l-kirjiet għoljin tal-propjeta’

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, fasslet proposti biex tkun indirizzata l-problema tal-kirjiet għoljin tal-propjeta’.

Fost il-proposti hemm li tinbidel il-liġi tal-kera. Liġi li skont l-MDA għadha qed tivvavorixxi wisq lil min jikri milli lis-sid tal-propjeta’ tant li jekk ikun hemm xi nuqqasijiet minn naħa ta’ min jikri, is-sid lanqas sar jaqbillu jfittex bil-Qorti.

L-MDA qed tipproponi li l-barranin li jidħlu fl-iskema tax-xiri tal-passaport Malti m’għandux jikkompeti f’dawk li huma kirjiet maċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Hawn l-MDA qalet li jekk barranin għandu l-flus biex jixtri l-passaport għallura jista’ jħallas ferm aktar għall-kirjiet.

Proposta oħra hi li l-Gvern ifittex propjetajiet abbandunati li jkollhom bżonn ftit renovazzjoni u jgħin biex dawn jiġu fuq saqajhom u jitpoġġew fis-suq tal-kiri tal-propjeta’. Dawn il-proposti kienu spjegati mill-President tal-MDA Sandro Chetcuti waqt laqgħa fil-bini tal-MDA fil-Pieta’ mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Chetcuti qal li minbarra dawn il-proposti l-gvern għandu anke jinċentiva lill-poplu l-aktar liż-żgħażagħ biex ikunu sidien ta’ dahrhom u mhux jikru biss. Semma anke kif hawn nies li mhux ilaħħaqu mal-mod ta’ kif qed tikber l-ekonomija.

Minn naħa tiegħu Roderick Galdes qal li l-gvern ħatar tim ta’ esperti sabiex jaraw l-anomaliji li hemm fil-liġi tal-kera ta’ wara l-1995 u mhux dik emendatat fl-2009. Dan bl-iskop li jaraw għalfejn qed togħla daqshekk il-kera tal-bini.

Il-President tal-MD kompla billi qal li wieħed ma jridx jinsa’ l-kirjiet ta’ qabel l-1995 fejn hemm propjetajiet kbar li ilhom jinkrew bis-soldi u s-sidien tagħhom ma jistgħux jieħdu l-propjeta’ lura li hi bi dritt tagħhom. Hawn ta’ eżempju ta’ djar li jinkrew b’€200 fis-sena u s-sidien ma jistgħu jagħmlu xejn.

Waqt il-laqgħa ngħad anke li jridu jiġu ndirizzati propjetajiet li ma jistgħux jidħlu fis-suq tal-kera minħabba problemi fil-wirt.

Fl-aħħar il-President tal-MDA Sandro Chetcuti sostna li kkuntatjawhom ħafna żviluppaturi membri tagħhom qalulhom li jridu jsibu soluzzjoni għall-problema tal-kirjiet.