Lokali

L-MUMN issostni li l-gvern qed idum wisq dwar allowance għall-infermiera u l-qwiebel

Possibbiltà li l-Univeristà ta’ Northumbria tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ipprotestat mal-Gvern għall-mod kif qiegħed jaġixxi dwar il-Formal Mentorship Allowance għall-infermiera u l-qwiebel.

Fi stqarrija l-MUMN qalet li erbgħa snin ilu, wara li ġiet avviċinata mill-Ministru tas-Saħħa, bdiet tikkopera biex l-Universita ta’ Northumbria tibda toffri korsijiet fid-degree nursing bil-għan li jibda jittaffa n-nuqqas ta’ infermiera f’Malta u Għawdex.

Uffiċjali li jirrapreżentaw lil din l-università mill-bidu nett għamluha ċara li jekk f’pajjiżna ma jkunx hawn proċess ta’ formal mentorship serju fuq l-istudenti, dawn ma jkunux f’pozżzjoni li joperaw hawn Malta.

L-MUMN mill-ewwel bdiet sensiela ta’ laqgħat biex dan il-formal mentorship jkun success f’pajjiżna bl-iskop li kif jasal il-waqt li l-Università ta’ Northumbria tiftaħ il-bibien tagħha, dan il-proċess ikun lest.

Il-problema ewlenija hi li filwaqt li professjonisti oħra jingħataw kumpens għal formal mentoring li jagħmlu, l-infermiera qatt ma tħallsu u għalhekk f’dawn l-aħħar għaxar snin in-numru ta’ infermiera disponibbli beda dejjem jonqos sakemm wasalna f’sitwazzjoni llum li l-ammont preżenti mhux suffiċjenti, aktar u aktar li l-pjan kien li l-Università ta’ Malta tgawdi wkoll minn dan il-proċess għaliex fl-aħħar mill-aħħar kulhadd jitratta l-istess pazjenti.

L-MUMN żammet numru ta’ laqgħat kemm mad-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fuq din il-materja u kien hemm qbil fil-prinċipju fuq dan il-proċess perà staġna kollox kif dan il-proċess ġie għall-attenzjoni tal-International Relations Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt ir-responsabbilità tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.

L-MUMN ma tistax taċċetta li wara li ġiet avviċinata mill-Gvern stess biex tkun sieħeb f’dan il-proġett, issa qed tingħata l-ġenb bil-konsegwenzi li pajjiżna se jaqta’ figura miskina quddiem il-barranin. L-MUMN dan ma tistax taċċettah u qed titlob l-intervent tal-Prim Ministru biex tinstab soluzzjoni fl-interess ta’ kulħadd.
 
 

Tags