It-tmiem tal-istorja tas-serqa sagrilega mill-Kolleġġjata Immakulata ta’ Bormla jidher li mhux se jkun daqstant viċin hekk kif l-oġġetti sagri misruqa baqgħu ma kenux ritornati lill-Kolleġġjata u dan minkejja li uffiċjalment l-Arċipriet Dun Anton Cassar għamel talba għar-ritorn tagħhom.
In-Nazzjon jirraporta li tkellem mal-Arċipriet li wkoll hu diżappuntat ħafna kif l-oġġetti sagri misruqa mill-Kolleġġjata Immakulata ta’ Bormla għaxar ġimgħat ilu, għadhom sal-lum mhux ritornati fit-Tempju ta’ Alla.
L-Arċipriet qal li hu għamel talba uffiċjali lill-awtoritajiet biex issa li dawn l-oġġetti sagri nstabu, allura min hu responsabbli minnhom ifittex jgħaddihom lura lill-Knisja ta’ Bormla. Diġà l-poplu Bormliż kien litteralment maħsud u xxukkat b’dak li ġara għaxar ġimgħat ilu meta saret is-serqa, iżda issa jeħtieġ li dawn l-oġġetti sagri ma jibqgħu jiġġerrew barra u jiddaħħlu lura fil-Knisja ta’ Bormla.
Bħalissa dawn l-oġġetti sagri qed jinżammu fil-binja tal-Qorti bħala parti mill-esebiti tal-Pulizija fil-każ tagħha, iżda dan iġib miegħu riskju kbir li l-istess oġġetti jinsterqu mill-kustodja tal-Qorti. Ma hix l-ewwel darba li mill-binja tal-Qorti u meta suppost esebiti jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-Qorti jew tal-Pulizija, oġġetti importanti jrabbu l-ġwenħaj u jgħosfru.
Kienu bosta l-każijiet f’dan ir-rigward u l-biża’ tal-Arċipriet Anton Cassar, il-Kleru f’Bormla u l-komunità parrokkjali għandha wkoll dan il-biża’ li darba li l-oġġetti sagri nstabu aktar minn ħmistax ilu, issa jirritornaw illum qabel għada lill-Kolleġġjata ta’ Bormla.
Dwar dan il-każ kien ħmistax ilu li seħħet żvolta importanti li wasslet għas-sejba tal-oġġetti misruqa meta l-Pulizija kisbet tagħrif importanti dwar fejn setgħu kienu moħbija l-oġġetti sagri misruqa.
L-informazzjoni lill-Pulizija kienet li qrib ġibjun li jmur lura għal żmien il-Kavallieri, kellhom isibu xkora tal-għalf u fiha kien hemm moħbija kważi l-oġġetti sagri misruqa f’nofs Lulju li għadda.
Il-Pulizija verament sabet xkora tal-għalf fuq il-ħamrija biswit il-ġibjun indikat lilha u meta fetħu l-ixkora u raw fiha diversi oġġetti sagri u kollox kien jindika li dawn kienu abbandunati bi skop u ħsieb minn min kien seraqhom biex darba jerġa’ jiġi bżonnhom allura jkun jista’ jirrikorri għalihom.
Dakinhar tas-serqa kien stmat li f’termini ta’ flus kontanti, il-valur ta’ dik is-serqa kien jammonta għal aktar minn €35,000.
Dwar din is-serqa l-Pulizija ressqu l-Qorti żewġt irġiel – Marflene Cricchiola u Gianluca Sultana ta’ 30 sena u 19-il sena rispettivament – u kienu akkużati b’sensiela ta’ akkużi.
Fil-Qorti , Marflene Cricchiola u Gianluca Sultana wieġbu li ma kenux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom meta allegatament huma daħlu fil-Knisja matul is-satra tal-lejl billi rnexxielhom jitilgħu fuq il-bejt billi xxabbtu mal-iscaffolding li kien hemm minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru fil-Knisja.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Arċipriet ta’ Bormla, wara li xehed quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace u fil-preżenza wkoll tal-Avukat Carm Mifsud Bonnici li kien talab li wara li l-oġġetti jiġu fotografati u stmati jkunu jistgħu jittieħdu lura fil-Kolleġġjata ta’ Bormla, fl-awla tal-Qorti kien mar fuq iż-żewġ akkużati u qalilhom li jaħfrilhom.
//= $special ?>