Lokali

Se ssir esibizzjoni fit-Torri tad-Dwejra bl-isem Azure Watch

Il-Fondazzjoni Kreattività qed tistieden lill-pubbliku għall-esibizzjoni tal-Artist fir-residenza ta’ Giuseppe Fanizza Azure Watch. L-esibizzjoni se tkun ospitata minn Din l-Art Ħelwa fit-Torri tad-Dwejra matul ix-xahar ta’ Ottubru u se tinkludi reġistrazzjonijiet bl-awdjo, films, ritratti u oġġetti. L-esibizzjoni se tiftaħ is-Sibt, 30 ta’ Settembru, fil-11am u tgħalaq il-Ħadd 29 ta’ Ottubru.

Fanizza kien qed jgħix fir-Residenza għall-Artisti fl-Għarb f’Settembru – li hija mmexxija minn Spazju Kreattiv u Valletta 2018 – u kien qed jaħdem fuq il-proġett Azure Watch. Hu kien assistit fir-riċerka tiegħu mill-voluntiera Mary Attard, Johannes Buch u Andrew Pace, li wkoll ħadmu fuq l-esibizzjoni fit-Torri tad-Dwejra.

Azure Watch kien imfassal biex jibda arkivju kollettiv u multimedjali tat-Tieqa Żerqa u l-pajsaġġ tal-madwar li se jibqa’ disponibbli għall-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni possibbli fil-futur mill-komunità Għawdxija.

Azure Watch għadu qed ifittex kontribuzzjonijiet għalekk kull min jixtieq jissottometti immaġnijiet jew jagħmel kuntatt jista’ jibgħat email fuq azurewatch.media@gmail.com, jidħol fil-paġna tal-facebook tal-proġett facebook/azurewatch, jew iġib materjal fil-ftuħ tal-esibizzjoni stess.