Il-Korea t’Isfel qed tistenna li l-Korea ta’ Fuq tkompli għaddejja bl-azzjonijiet aggressivi tagħha fl-istess żmien meta r-reġim fi Pyongyang jiċċelebra l-anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Korean Komunista — u meta ( anki) ikun għaddej il-Kungress tal-Partit Komunista taċ-Ċina.
F’laqgħa li kellu mal-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, il-Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali f’Seoul, Chung Eui-yong qal li jistenna li r-reġim fi Pyongyang ‘ikompli bil-provokazzjonijiet’ fil-ġranet bejn l-10 u t-18 ta’ Ottubru.
Intant, Chung ma ħariġx bid-dettalji speċifiċi.
Fl-istess ħin, ir-rapport tiegħu sostna li jeżisti l-inkwiet li xi konflitt militari fil-peniżola jista’ ikun xprunat minn inċidenti li jseħħu b’mod aċċidentali.
Kelliema għall-Partit Demokratiku li jmexxi lill-Korea t’Isfel sostnew li filwaqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, illum qed jitkellem dwar għażliet militari u diplomatiċi, ‘hu minnu li l-Korea t’Isfel ma tistax tgħaddi minn gwerra ġdida’.
It-tensjoni fil-peniżola Koreana eskalat fil-ġimgħat riċenti meta l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un u l-President Trump infexxew f’sensiela ta’ theddid u insulti kontra xulxin, b’konnessjoni mal-programm għall-iżvilupp tal-armi nukleari u l-missili mir-reġim fi Pyongyang.
Il-Korea ta’ Fuq akkużat lil Donald Trump dwar dikjarazzjoni tal-gwerra wara li hu wissa li r-reġim ta’ Kim Jong-un ‘mhux se jdum ħafna’, dment li Pyongyang ikompli jhedded lill-Istati Uniti u l-alleati tagħha. Aktar qabel, il-President Trump kien wissa li l-Korea ta’ Fuq ‘tispiċċa totalment meqruda’ f’każ li l-Amerikani jaslu għal azzjoni militari.
Il-Korea ta’ Fuq organizzat is-sitta u l-akbar prova nukleari tagħha fit-3 ta’ Settembru u din is-sena pruvat għexieren ta’ missili. Dan waqt li l-pajjiż komunista xpruna l-programm tiegħu intiż biex il-qawwiet tal-Korea ta’ Fuq ikollhom il-kapaċità biex jolqtu direttament lill-Istati Uniti b’missila nukleari.
L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel għadhom teknikament fi stat ta’ gwerra mal-Korea ta’ Fuq minħabba li l-konflitt inter-Korean tal-1950-53 kien spiċċa b’armistizju u mhux bi trattat għall-paċi.
Intant, il-President tal-Korea t’Isfel qal li pajjiżu u l-Istati Uniti qablu dwar il-ħtieġa għal pressjoni fuq il-Korea ta’ Fuq, iżda bil-kundizzjoni li ‘il-bieb għal taħditiet potenzjali ma’ Pyongyang jibqa’ imbexxaq’.
//= $special ?>

