Il-Bord tad-Diretturi tal-PBS għadda vot ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy. Il-vot li ttieħed kontra John Bundy fil-Bord tad-Diretturi kien wieħed unanimu, u l-eżitu tal-vot kien komunikat permezz ta’ ittra liċ-Chairperson tal-PBS Tonio Portughese.
Skont rapporti fil-media lokali, il-Bord tad-Diretturi qal li John Bundy kemm-il darba injora l-Bord jew inkella hedded b’passi legali meta l-Bord prova jbiddel deċiżjonijiet arbitrarji li ttieħdu minn Bundy.
John Bundy nħatar Kap Eżekuttiv tal-PBS bejn Lulju u Awwissu tas-sena li għaddiet biex jieħu post Anton Attard.
Informazzjoni li għandu NET News turi li fl-aħħar erba’ ġimgħat, John Bundy ħatar ħames persuni f’pożizzjonijiet ġodda, li kollha ngħataw lil persuni li b’xi mod jew ieħor huma qrib Kastilja jew qrib il-Partit Laburista.
Fost oħrajn, fl-istess jum li l-Bord tad-Diretturi ħa vot unanimu ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ John Bundy, Bundy ikkomunika deċiżjoni dwar tliet karigi maniġerjali ġodda. Fost dawn hemm kariga ta’ Junior Manager Sales Administration għal Karl Calamatta; kariga ta’ Junior Manager Corporate lil Quentin Scerri u kariga ta’ Manager Sales Administration lil Nicholas Gauci.
Dawn it-tliet karigi, li għandhom jieħdu effett minn nhar il-Ħadd 1 ta’ Ottubru li ġej, ingħataw kollha minn John Bundy fl-istess jum li ġie sfiduċjat, u mingħajr ma nħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet.
Imma apparti dawn it-tliet karigi fil-jum li ġie sfiduċjat mill-Bord tad-Diretturi, fil-ġimgħat li għaddew Bundy ta żewġ karigi oħra mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet. Dawn il-karigi huma ta’ Junior Manager għall-Web Content lill-ġurnalista Norma Saliba u Manager Archives lix-Shopsteward tal-GWU Ray Libreri.
Dan ifisser li fl-aħħar erba’ ġimgħat, John Bundy qassam b’kollox ħames pożizzjonijiet ġodda mingħajr sejħa, lil persuni li b’xi mod, kollha huma qrib Kastilja u l-Partit Laburista.






Nota editorjali: B’kuntlarju għal dak ippubblikat aktar kmieni, il-ħames promozzjonijiet ingħataw fl-aħħar erba’ ġimgħat, u mhux fl-aħħar ġimgħa.
//= $special ?>