Lokali

L-Amministrattiv iwiddeb lil Jeanpierre Debono… Jeanpierre Debono jitlob skuza

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

F’laqgħa li saret illejla, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta r-rapport tal-Kummissjoni Elettorali dwar l-aġir tal-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono waqt il-proċess tal-ġbir tal-voti fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit.

Waqt il-laqgħa l-Kunsill Amministrattiv approva u għamel tiegħu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Elettorali u kkonkluda li ma jara l-ebda ħtieġa li jsiru aktar investigazzjonijiet.

Il-Kunsill Amministrattiv aċċetta wkoll dikjarazzjoni ta’ Jean Pierre Debono li permezz tagħha talab skuża, refa’ r-responsabbilità għal dak li seħħ u obbliga ruħu li bl-ebda mod ma jkun involut fil-proċessi elettorali li għandhom isiru sal-aħħar tas-sena. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, Jean Pierre Debono qal ukoll li dak li għamel huwa għamlu bl-intenzjoni li jgħin fil-ġbir tad-dokumenti tal-voti għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Kunsill Amministrattiv iddeċieda li pubblikament iwiddeb lil Jean Pierre Debono għall-aġir tiegħu u jtenni li l-Partit Nazzjonalista ma jittollera l-ebda abbużi fi proċessi elettorali