Budget 2018 Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-proposti tiegħu għall-Budget li jmiss

Mario de Marco stqarr li f'dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista mhux biss ħares lejn l-qagħda preżenti iżda anke lejn l-ekonomija ta' għada

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument ta’ qabel il-budget fejn fih ressaq l-ideat u ssuġġerimenti tiegħu lill-Gvern sabiex jiġu implimentati fil-Budget 2018. Fil-Parlament, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario De Marco preżenta d-dokument bit-titlu ‘A Sharing Economy’.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament Mario De Marco preżenta d-dokument u spjega l-kontenut li hu mqassam fi 3 sezzjonijiet: analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna u madwar id-dinja, analiżi tas-setturi importanti ta’ pajjiżna fosthom it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji, u anke ħarsa lejn il-finanzi tal-Gvern Malti.

Id-dokument jista’ jiġi aċċessat hawnhekk: ‘A Sharing Economy’.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u Kompettivita Claudio Grech fejn tkellem dwar l-aspett kritiku tal-investiment barrani, u kif hemm bżonn li l-ekonomija ta’ Malta toħroġ barra min qoxritha u tibda taħdem anqas fuq beneffiċji fiskali.

Tkellmet ukoll Kristy Debono, il-Kelliem għas-Servizzi Finanzjarji – fejn qalet li hemm bżonn li pajjiżna jaħtaf l-opportunita’ u nkunu minn tal-ewwel li nkomplu niżviluppaw is-servizzi finanzjarji u naraw d-direzzjoni li se jieħdu. Minn tagħha kompliet tistqarr li hemm bżonn ta’ investiment fir-riċerka u żvilupp.

Indirizza wkoll lill-ġurnalisti preżenti il-Kelliem għall-Familji u l-Politika Soċjali Clyde Puli. Hu tenna li l-għan aħħari ta’ dan id-dokument tal-Partit Nazzjonalista hu li d-distribuzzjoni tal-ġid ikun ekwu – filwaqt li semma’ l-erba’ punti kardinali li hemm bżonn jiġu indirizzati: l-għoli tal-ħajja, ix-xogħol prekarju, l-kiri u l-pensjoni.