Internazzjonali Unjoni Ewropea

Mexxejja Ewropej jiddibattu l-pjan ta’ riforma tal-UE ta’ Macron

Il-Mexxejja tal-UE iltaqgħu fl-Estonja biex jiddibattu l-futur tal-Ewropa u fejn spikkaw l-ewwel impressjonijiet tal-viżjoni ġdida tal-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, għall-grupp ta’ pajjiżi Ewropej.
Il-parti kbira tal-Mexxejja tal-UE – fosthom il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May – kienu qed jaslu f’Tallinn, anki jekk ma kienx mistenni li, f’dawn il-jumejn, jispikkaw in-negozjati dwar il-Brexit.
Id-diskussjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea saret waqt ikla informali, meta llum, f’Tallinn, issir tieni sessjoni ta’ taħditiet dwar kwistjonjiet diġitali li huma priorità għall-Estonja, li għandha l-Presidenza attwali tal-UE.
Il-President Macron, din il-ġimgħa, għamel diskors ewlieni fejn sejjaħ lis-sieħba tal-UE biex jimpenjaw ruħhom mill-ġdid għall-proġett staġnat tal-Ewropa li qed isib l-ostakoli mill-Brexit – jew aħjar il-proċess biex ir-Renju Unit jinħall mill-grupp ta’ pajjiżi. Ostakli oħra, instant, huma ż-żieda fil-populiżmu, fl-Ewropa, u l-kriżi tal-immigranti.
Id-diskors ta’ Macron sar xi jiem wara li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel – li hi l-aktar Mexxejja influwenti fl-Ewropa – rebħet raba’ mandat ta’ poter konsekuttwiv f’elezzjoni ġenerali li ssarrfet ukoll f’avvanzi politiċi notevoli għall-Partit AFD magħmul mill-estremisti tal-lemin.
Qabel il-bidu tas-summit, saret laqgħa bejn Macron u Merkel, bil-Mexxejja Ewropej, aktar tard, jingħataw forum miftuħ għal ‘diskussjoni informali mingħajr l-ebda aġenda’. Dan kien anki l-messaġġ inizjali fl-ittra tal-President tal-UE, Donald Tusk, li stiednet lill-mexxejja għal-laqgħa li saret fil-Palazz ta’ Kadriorg, fil-kapitali tal-Estonja.
Margaritis Schinas, il-kelliem għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, kien qed jistenna ‘diskussjoni sinifikanti’ wara li Juncker innifsu introduċa l-viżjoni tiegħu għal proġett Ewropew aktar integrat waqt id-diskors State of the Union li għamel kmieni dan ix-xahar. Id-diskors partikulari kien ibbaża fuq ħafna mill-istess aspetti tal-viżjoni ta’ Macron għall-UE.
Il-proposti ta’ Macron għal ‘theżżiża lill-UE’ wara l-Brexit jinkludu l-introduzzjoni ta’ Ministru għall-Finanzi, baġit u Parlament għad-19 il-pajjiżi taz-zona ewro. Dan minbarra l-introduzzjoni ta’ rapid reaction force effettiv għall-UE kollha u li jaħdem flimkien mal-Armati nazzjonali.