Futbol Sport

Mourinho jitkellem fuq l-injury ta’ Pogba

Il-manager ta’ Manchester United Josè Mourinho ddeskriva l-injury ta’ Paul Pogba bħala fit-tul fejn qabbel iż-żmien biex jirkupra ma’ Zlatan Ibrahimovic u Marcos Rojo li għadhom qed jirkupraw.

Il-gravità tal-injury fil-hamstring li wasslet biex il-midfielder ta’ 24 sena ħareġ kmieni fil-logħba taċ-Champions League kontra Basel, ħolqot misteru dwar l-entità ta’ kemm se jdum barra.

Mourinho ripetutament qal li ma jafx kemm kien se jdum barra, hekk kif il-klabb qed jagħmel evalwazzjoni, kif ukoll ħadu parir ta’ speċjalista. Il-Portugiż xorta ma ta l-ebda żmien definit, iżda 17-il ġurnata wara qal li hi kwistjoni fit-tul.

“Hu mweġġa’, ma jistax jilgħab għada u mhux injury li nista’ nittama li jkolli bħal ma għandi b’Antonio Valencia u Phil Jones. Għandi t-tama li narah fit-taħriġ u jkolli risposta pożittiva, biex ma nitkellimx fuq injuries fit-tul. Għalhekk fuq Ibra, Pogba u Rojo ma naħsibx fuqhom,” qal Mourinho.

Ma’ dawn it-tliet plejers, ingħaqdu Michae Carrick, Phil Jones u Antonio Valencia hekk kif it-tlieta li huma se jkunu osservati wara li tilfu l-logħba ta’ fost il-ġimgħa fiċ-Champions League. Marouane Fellaini wkoll tilef il-logħba, filwaqt li Anthony Martial ħareġ ftit imweġġa’ fl-aħħar logħba.