Futbol Sport

Samb isalva punt għal Gżira fl-aħħar

Samba Tounkara jipprova jinfed lid-difiża avversarja (Ritratt: Matthew Tabone)

FLORIANA………………1

GŻIRA U………………….1

Floriana: I. Akpan, J. Baldacchino, E. Pepe, E. Ruiz, A. Cini, E. Marcelina, A. Henrique, M. Vella, D. Grima (L. Grech 78’), I. Varela, M. Fontanella

Gżira: J. Haber, G. Muir, S. Diamoutene (L. Brincat 83’), C. Gatt Baldacchino, K. Pulo (J. Corbolan 65′), M. Avila Perez, R. Briffa, A. Cohen, E. Okoye, A. Samb, S. Tounkara

Imwissija: M. Avila Perez 43’, K. Pulo 53’, A. Samb 60’ (G), I. Varela 78’, J. Baldacchino 87’, L. Grech 91’ (F)

Tkeċċa: S. Tounkara 84’ (G)

Skorjaw: M. Vella 47’ (F), A. Samb 94’ pen (G)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Roberto Vella, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Maurizio Vella (Floriana)

Penalty lejn it-tmiem salva punt meritat għal Gżira United, hekk kif il-Maroons baqgħu mhux megħluba fi draw ta’ 1-1 kontra Floriana. Il-partita kienet mistennija għal fatt li ż-żewġ timijiet kienu qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika.

Madankollu l-partita naqset li tilħaq il-livell mixtieq, hekk kif għal ħafna ħin il-logħob żvolġa f’nofs il-grawnd. Kif spiċċat il-partita, Gżira jqisu li rebħu punt u Floriana tilfu żewġ punti, iżda meta wieħed iqis l-andament tal-logħba, id-draw hu ġust.

Il-kowċ ta’ Gżira United Darren Abdilla għamel biss bidla waħda mir-rebħa kontra St. Andrews, b’Justin Haber jagħmel id-debutt mal-Maroons proprju kontra l-eks tim tiegħu. Żewġ bidliet għal Floriana mir-rebħa minima kontra Ħamrun b’Artur Henrique u Dylan Grima jibdew flok Juninho Cabral u Clyde Borg.

L-ewwel taqsima, kienet medjokri bi ftit azzjonijiet lejn iż-żewġ lasti. Gżira kellhom l-inizjattiva fejn kellhom aktar pussess u kienu aktar avventurużi. Floriana fuq in-naħa l-oħra kienu aktar b’saħħithom fid-difiża iżda ma kinux perikolużi.

Gżira setgħu marru minn fuq fit-28 minuta f’azzjoni li fiha Akpan interċetta parzjalment fuq Roderick Briffa u Samb bir-ras għadda lejn Samba Tounkara, iżda mill-viċin ma laqatx il-ballun. Sitt minuti wara, Andrew Cohen prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra.

Floriana fetħu l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima fl-ewwel azzjoni perikoluża tagħhom. Kien xutt żbaljat ta’ Dylan Grima spiċċa fin-nofs fid-direzzjoni ta’ Maurizio VELLA li mill-viċin għeleb lil Justin Haber.

Wieħed kien qed jistenna reazzjoni minn Gżira li iżda waslet biss minn pussess territorjali. Floriana resqu l-eqreb li jirduppjaw fl-74 minuta, b’azzjoni personali ta’ Maurizio Vella, iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien salvat minn Haber.

Gżira bdew iżidu l-isforzi tagħhom u ħames minuti wara kien Okoye li prova b’xutt mill-ewwel iżda ma nkwadrax il-lasta. Huma sofrew daqqa ta’ ħarta ħames minuti wara meta r-referee Alan Mario Sant wera l-karta l-ħamra lil Samba Tounkara wara ritaljazzjoni.

Madankollu minkejja li b’raġel anqas, Gżira ngħataw penalty proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba. Kien ballun fit-tul ta’ Clifford Gatt Baldacchino, bix-xutt ta’ Luca Brincat jaħbat ma’ id Alex Cini, bir-referee Alan Mario Sant jordna penalty. Mill-11-il metru, l-aqwa skorer tal-kampjonat Amadou SAMB għeleb lil Akpan b’xutt fuq in-naħa xellugija tiegħu.