Malta Public Transport ħabbret li min-nhar il-Ħadd 1 t’Ottubru 2017, is-servizz tal-karozza tal-linja ser jibda jopera skont l-iskeda tax-Xitwa.
Rotta X1A ġiet introdotta mill-ġdid sabiex taqdi Ċirkewwa, Mater Dei, Università u MCAST f’Paola.
Sabiex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar, rotot li jgħaddu minn ħdejn l-uffiċċji tal-MaltaPost u jibqgħu sejrin lejn il-Marsa Park and Ride ser jiġu devjati wara l-bus stop “Qaddisin” u b’hekk jevitaw ir-roundabout ta’ Ħal Qormi. Dawn ir-rotot huma: 61, 62, 63, 64 and 74 li jitiliqu mill-Belt Valletta; 110, 117, 120, 121, 135, 204, 206, 209, 210, 218 u 226 li jiġu mill-Isptar ta’ Mater Dei; u r-rotot X1, X2, X3 and X4 li sejrin lejn l-ajruport.
Bl-istess mod, ir-rotot 120, 121, 204, 206, 226, X2 u X3 li sejrin lejn il-Marsa Park & Ride ser jiġu devjati biex jgħaddu minn ħdejn iċ-ċimiterju tat-Torok fil-Marsa sabiex jiġi evitat it-traffiku fi Triq Aldo Moro. Il-passiġiera li qed jivvjaġġaw lejn l-Isptar ta’ Mater Dei jew lejn l-Univeristà ta’ Malta ser ikunu jistgħu jużaw il-bus stop “Ottoman” fil-Marsa flok il-bus stop “Moro”.
Ir-rotta 13 A qed tiġi modifikata sabiex taqdi r-rotta bejn il-Belt Valletta u San Ġiljan u li tintemm ħdejn Pender Place. Ir-rotta 13 ser tkompli topera tul ir-rotta bejn il-Belt Valletta u Baħar iċ-Ċagħaq filwaqt li TD13 toffri vjaġġ dirett bejn San Ġiljan u l-Belt Valletta mingħajr ma tieqaf fiż-żona ta’ Tas-Sliema.
L-iskedi l-ġodda ser ikunu disponibbli fuq is-sit publictransport.com.mt. Minħabba dawn il-bidliet, il-‘Journey Planner’ fuq is-sit u fuq it-tallinja app ser ikunu temporanjament indisponibbli sakemm iseħħu l-bidliet meħtieġa. Fil-jiem li ġejjin, Malta Public Transport ser tkun qed taġġorna wkoll l-iskedi ta’ fuq il-bus stops madwar Malta u Għawdex.
//= $special ?>