L-għan prinċipali ta’ Sliema fl-aħħar snin kien li fit-tmiem l-istaġun jiksbu post biex jilagħbu fil-kompetizzjonijiet ewropej, u din is-sena l-għan baqa’ l-istess. Sostna dan il-President ta’ Sliema Keith Perry hekk kif Sliema preżentaw l-iskwadra tagħhom għal dan l-istaġun.
Il-President tal-klabb qal li aħbar importanti għalihom kienet li l-kowċ John Buttigieg se jibqa’ mal-klabb għal sentejn oħra, li għalih ifisser sinjal ta’ kontinwità. Minbarra Buttigieg, Ivan Woods se jibqa’ bħala assistent kowċ filwaqt li Mark Vella kien ukoll konfermat mal-klabb bħala l-kowċ tal-gowlkipers.
Perry semma wkoll titjib li sar fil-klabb mhux mill-aspett kalċistiku, hekk kif Sliema se jkollhom fiżjoterapista kuljum magħhom filwaqt li saret dressing room ġdida għall-plejers.
Keith Perry semma wkoll l-assenza importanti taż-żewġ bnadar tal-klabb. Mark Scerri se jdum barra għal madwar ħames ġimgħat, filwaqt li Alex Muscat mistenni jdum diversi xhur barra mill-azzjoni wara li weġġa’ l-cruciate.
Il-President Slimiż għamel aċċenn ukoll għas-settur taż-żgħażagħ fejn qal li huma kburin li għandhom numru ta’ plejers li jitilgħu fit-tim tal-kbar. Hu għamel referenza wkoll għaċ-chairman il-ġdid tan-nursery Liam Camilleri li sostna li ġab mod modern ta’ ħsieb biex flimkien mad-direttur tekniku Stephen Azzopardi jmexxu t-350 tifel li għandhom.
Perry għamel referenza wkol għar-relazzjoni li bdiet mal-klabb Żvizzeru Chiasso li permezz ta’ dan il-ġemellaġġ, Sliema għandhom sitt plejers barranin ta’ dan il-klabb. F’dan l-istess ftehim, l-attakkant Jean Paul Farrugia qed jilgħab l-Iżvizzera, b’Keith Perry jgħid ftehim ta’ dan it-tip, għandu jiftaħ il-bieb tal-plejers Maltin biex jiksbu esperjenza barra minn Malta.
Aħbar oħra tajba għall-klabb Slimiż kien ukoll il-fatt li ngħataw it-titlu fuq l-art tagħhom, biex bil-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni, huma se jkollhom pjan biex ikunu jistgħu jsostnu l-klabb.
Perry finalment irringrazzja lill-isponsors DIZZ Group, Eurosport, Fort Fitness, Zarb Coaches, Polidano Group, Montekristo Estates, Elmo Insurance u Le Meridien, u sostna li mingħajr nies bħal dawn, il-futbol Malti ma jeżistix. Hu rringrazzja wkoll lill-membri tal-kumitat li b’mod volontarju jagħtu l-ħin tagħhom lill-klabb Slimiż.
L-akkwisti l-ġodda huma Frenci Qeros, Goran Adamovic, Jefferson De Assis, Leandro Motta, Nikola Gavric, Seck Seringe Saliou, Ewdair Pereira Santos, Dylan Micallef u Edmond Agius.
//= $special ?>