Futbol Sport

Valletta jġibu fix-xejn lil Birkirkara

Joseph Zerafa segwit minn Bruno de Brito (Ritratt: Domenic Aquilina)

BIRKIRKARA……………..0

VALLETTA………………….3

Birkirkara: P. Schranz, C. Attard (E. Nfor 74’), N. Vukanac, M. Klein, M. Landry, M. Guillaumier (E. Herrera 61’), M. Andelkovic, J. Grech, R. Camenzuli (A. Nilsson 61’), B. de Brito, L, Montebello

Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri, J. Borg (N. Pulis 69’), J. Zerafa, J. Cruz Gill, C. Pani (M. Piciollo 28’), S. Malano, I. Saleh, M. Mifsud (D. Rocha dos Santos 46’), K. Nwoko

Imwissija: M. Landry 23’, E. Nfor 84’ (B), D. Rocha dos Santos 83’ (V)

Skorjaw: M. Mifsud 12’, K. Nwoko 31’, D. Rocha dos Santos 62’ (V)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referees: Christopher Francalanza, Peter Abela

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ibrahim Saleh (Valletta)

Attendenza: 2026

Wara li sofrew l-ewwel telfa fil-kampjonat, Valletta rritornaw għar-rebħ b’wirja brillanti li fiha ġabu fix-xejn lil Birkirkara. It-tim Belti kien trasformat mit-telfa kontra Balzan hekk kif kienu perikolużi mill-bidu, bil-plejers offensivi tagħhom jattakkaw l-ispazju biex bdew joħolqu periklu lid-difiża karkariża.

Plejers bħal Michael Mifsud li rritorna, Kyrian Nwoko li lagħab mill-bidu u Ibrahim Saleh kienu theddida kontinwa.

Dan ir-riżultat ikompli jikkonferma d-diffikultà ta’ Birkirkara f’din l-ewwel parti tal-kampjonat hekk kif il-kowċ Paul Zammit jidher li qed isibha diffiċli biex iġib it-tim kompetittiv biżżejjed.

Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel azzjoni wara żewġ minuti b’xutt ta’ Luke Montebello li spiċċa fuq il-lasta. Il-Beltin bdew iżidu fil-logħob u wara li bdew jheddu l-lasta rnexxielhom jiftħu l-iskor fit-12-il minuta, meta Michael MIFSUD ħa vantaġġ minn żball ta’ Cain Attard wara kross mil-lemin, u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Philip Schranz.

Ftit mumenti wara, Birkirkara għal ftit ma skorjax, meta minn kross mil-lemin, Bonello salva u ma żammx, bil-ballun jispiċċa għand Jake Grech iżda x-xutt tiegħu kien salvat fuq il-linja minn Ryan Camilleri. Ftit wara, Valletta marru qrib it-tieni gowl, meta Nwoko għadda lejn Saleh iżda x-xutt fil-baxx tal-aħħar għadda barra.

Michael Mifsud prova b’azzjoni personali fit-18-il minuta, iżda x-xutt għadda ftit barra u l-Beltin reġgħu resqu qrib man-nofs siegħa logħob, b’xutt ta’ Nwoko minn barra l-kaxxa li kien salvat parzjalment minn Schranz bil-ballun jaħbat mal-wieqfa.

Valletta kienu superjuri u ma kinitx sorpriża li żewġ minuti wara rduppjaw. Kien korner ta’ Mohamed Saleh, għola tajjeb Kyrian Nwoko li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Schranz.

It-tim ta’ Popovic beda jikkontrolla l-logħba filwaqt li l-kowċ karkariż Paul Zammit għamel żewġ bidliet mas-siegħa logħob biex jipprova jibdel xi ħaġa. Iżda appena saru l-bidliet, Valletta skorjaw it-tielet gowl. Id-difiża karkariża nqabdet fuq sieq waħda u minn kontrattakk veloċi, Saleh għadda lejn is-sostitut Denni Rocha dos Santos li minn quddiem Schranz ma żbaljax.

Il-logħba kienet mirbuħa u mitmuma bil-Beltin jikkontrollaw mingħajr diffikultà filwaqt li t-tentattivi tal-avversarji ma sarrfu fl-ebda periklu, għajr xutt ta’ Bruno de Brito li għadda għoli.