Lokali

BIR-RITRATTI: ‘The Saint John’: Lukanda ġdida fil-Belt Valletta

Il-grupp AX Hotels inawguraw boutique hotel ġdida fi triq Merkanti l-Belt Valletta.

Il-Lukanda l-ġdida, bl-isem The Saint John, tinsab f’bini tas-17-il seklu u sar xogħol estensiv biex din il-propjeta’ li kienet fi stat ħażin, illum inbidlet f’lukanda tal-għola livell bi kmamar attrezzati bl-aħħar teknoloġija.

The Saint John kienet inawgurata f’attivita’ speċjali li bdiet b’fashion show tad-ditta Cessani quddiem il-Berġa tal-Italja u kompliet b’mixja u riċeviment fi triq Merkanti stess, eżatt quddiem il-lukanda l-ġdida.

Il-Lukanda kienet inawgurata miċ-chairman ta’ AX Holdings Anġlu Xuereb u mid-direttur tal-Kumpanija Claire Zammit Xuereb.

F’diskorsi tal-okkażjoni, Anglu Xuereb fisser l-importanza ta’ dan il-proġett u kif il-ħolma li kellu issa saret realta’. Hu spjega kif kien ilhom 10 snin ifitxu propjeta’ fil-Belt Valletta li tkun ideali għal boutique hotel.

Claire Zammit Xuereb qalet li d-disinn tal-lukanda huwa wieħed industrijali li qabel sew mal-bini barokk li għandu 147 sena. Tħabbar ukoll li s-sena ddieħla l-kumpanija se tkun qed tiftaħ boutique hotel oħra fl-istess triq.