Kont taf li jekk għandek lil xi ħadd qrib tiegħek ibati bid-dimensja m’għandekx titkellem f’paragrafi twal jew li tuża lingwaġġ tat-tfal iż-żgħar?
Din hi frazzjoni biss ta’ għarfien li tista’ tikseb b’xejn grazzi għall-ħidma tal-Malta Dementia Society, li tgħin mhux biss persuni li jbatu bid-dimensja, iżda anke lil ħbieb jew qraba ta’ min għandu d-dimensja.
Fil-Belt Valletta, fejn saret mixja biex tqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni, ltqajna mal-Professur Charles Scerri, li spjegalna l-effetti tal-marda tad-dimensja.
“Dawn in-nies ikollhom problemi ta’ memorja, kif jikkomunikaw u forsi anke l-komportament tagħhom jinbidel,” qalilna l-Prof. Scerri. “L-għan tas-soċjetà għandu jkun li tkompli tgħin mhux biss billi tqajjem għarfien, iżda anke b’appoġġ u tagħrif dwar is-sintomi, ir-riskji u l-prevenzjoni, u b’għajnuna għall-qraba u l-ħbieb ta’ persuni li jbatu bid-dimensja,” żied jgħid.
F’Malta b’kollox hawn mas-6,000 persuna li jbatu bid-dimensja, u l-għarfien huwa essenzjali, u dan l-ammont mistenni jirdoppja għal aktar minn 13,000 fis-sena 2050. Għal din ir-raġuni, ġiet organizzata mixja ta’ għarfien fil-Belt Valletta.
Hemm tlett stadji ta’ dimensja, u iktar ma jgħaddi żmien, aktar tiggrava. Dan ipoġġi fuq il-qraba u s-soċjetà, piż akbar ta’ responsabbiltà.
“In-natura tal-kundizzjoni hija tali li teħtieġ li dawn in-nies ikollhom lil min jieħu ħsiebhom għal tul ta’ ħin meta l-kundizzjoni tiprogressa,” spjega l-Professur. “Hemm ħafna wieħed x’jista’ jagħmel biex jieħu ħsieb lil xi ħadd fil-familja li jkollu d-dimensja u biex iżżid lil dik il-persuna l-kwalità tal-ħajja,” żied jgħid.
Ma’ NET News, Prof. Scerri saħaq dwar l-importanza li jingħata taħriġ u tagħlim speċjalizzat lill-persuni fil-qasam tas-saħħa biex pajjiżna jkun jista’ jilqa’ b’mod aktar professjonali għaż-żieda ta’ każijiet ta’ dimensja.
Għall-mixja attendew id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg u Maria Deguara. Kien hemm ukoll it-taqsima tal-klieb K9 tal-SOS Malta, li jgħinu fit-tfittxijiet ta’ persuni bid-dimensja li jintilfu.