Lokali

FILMAT U RITRATTI: Ix-xogħol imprezzabbli tas-suldati Maltin miftuħ għall-pubbliku

Suldati mir-reġimenti differenti tal-Forzi Armati poġġew l-apparat li jużaw fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum għall-pubbliku, b’diversi dimostrazzjonijiet għall-pubbliku.

Waħda mid-dimostrazzjonijiet itellgħet mit-Taqsima magħrufa bħala ‘Bomb Disposal’, li għamlet dimostrazzjoni ta’ kif jitneħħa pakkett suspettuż.

Fid-dimostrazzjoni ġie muri kif biex jitneħħa pakkett suspettuż, l-ewwel jitwaħħlu tarjoli u ħbula biex l-oġġett perikoluż jitneħħa minn fejn ikun għal post aktar sigur. Imbagħad, issir it-tieni parti tal-operazzjoni bl-użu ta’ robots apposta.

Dwar dan tkellimna mal-iStaff Sargent Noel Cesare. “Sitwazzjoni meta tkun reali tkun ferm iktar differenti għal din meta qed tara ‘demo’. Ovvjament, in-nies, fir-realtà ma jkunux imdawwrin magħna. Naħdmu ħafna mal-Pulizija biex nikkordinaw u jagħmlu evacuation biex in-nies ikunu safe,” qalilna Cesare (filmat hawn taħt).

Tkellimna wkoll mal-Logutenent Adrian Cipriott, inkarigat mill-organizazzjoni tal-open day.

“Hija importanti li n-nies jifhmu eżatt x’inhu x-xogħol, l-irwol u x’inhuma r-responsabbilitajiet tal-Forzi Armati ta’ Malta. Forsi ma tantx ikollu ċ-ċans jara iżjed mill-qrib ħafna, u għaldaqstant norganizzaw dil-ġurnata darba fis-sena fejn niftħu l-bibien tagħna għall-pubbliku kollu u jiġu esebiti ħafna mir-reġimenti tagħna, jpoġġu on display il-kit equipment u jfhemu l-pubbliku ta’ kif tiffunzjona l-armata,” spjega l-Logutenent.

Waqt l-open day saru dimostrazzjonijet oħra, fosthom simulazzjonijiet ta’ ‘search and rescue’ bil-ħelikopters tal-AFM, ‘drill session’ bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku u ‘booby trap’ demo.