Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton kiseb il-pole position għall-Grand Prix tal-Malasja li se jsir il-Ħadd. Hu mhux biss irreġistra l-aħjar ħin waqt is-sessjoni ta’ kwalifiki imma anke ħa aħbar tajba hekk kif l-eqreb rivali tiegħu, Sebastian Vettel tal-Ferrari rtira u se jkollu jibda mill-aħħar post fiċ-ċirkwit ta’ Sepang.
Ġimgħatejn ilu Hamilton fetaħ vantaġġ ta’ 28 punt fuq Vettel b’rebħa fil-Grand Prix ta’ Singapore u issa l-Ħadd jista’ jkompli jkabbar dan il-vantaġġ jekk kemm-il darba jispiċċa quddiem is-sewwieq Ġermaniż li minn naħa tiegħu se jkollu jagħmel kważi l-impossibbli biex jirkupra l-punti minn ma’ Hamilton.
Vettel kellu problemi fil-magna fl-aħħar sessjoni ta’ prattika u minkejja li ħa ċans u xorta saq fis-sessjoni ta’ kwalifiki mal-ewwel kellu jirritorna fil-garaxx u l-istaff tekniku ma setax jirranġa l-problemi li kien hemm fil-karozza.
Minkejja dan kollu Vettel qal li hu fiduċjuż li jista’ jmur tajjeb għax għandu karozza veloċi.
Mit-tieni post se jkun qed jibda s-sewwieq l-ieħor tal-Ferrari Kimi Raikkonen li kellu sfida tajba ma’ Hamilton, anke jekk fl-aħħar jiem il-Mercedes ma tantx kienu sejrin tajjeb.
Fil-mument tal-verità Hamilton qam għall-okkażjoni u kiseb l-aħjar ħin biex se jibda minn quddiem Raikkonen u Max Verstappen tar-Red Bull.
Verstappen se jibda minn quddiem sieħbu l-ieħor tar-Red Bull Daniel Ricciardo filwaqt li s-sewwieq tal-Mercedes Valtteri Bottas se jibda mill-ħames post.
Kif se jibdew:
1.Lewis Hamilton
2.Kimi Raikkonen
3.Max Verstappen
4.Daniel Ricciardo
5.Valtteri Bottas
6.Esteban Ocon
7.Stoffel Vandoorne
8.Nico Hulkenberg
9.Sergio Perez
10.Fernando Alonso