Internazzjonali Kurżitajiet

Hugh Hefner xtara qabar ma’ ġenb dak ta’ Marilyn Monroe

Il-fundatur tal-imperu ‘Playboy, l-Amerikan Hugh Hefner, u li miet din il-ġimgħa fl-età ta’ 91 sena, se jindifen

viċin il-qabar tal-attriċi leġġendarja Amerikana Marilyn Monroe, li ilha mejta mill-1962.
Hefner kien xtara l-kripta inkwistjoni fl-1992 għall-prezz ta’ $75,000. Din is-sitwazzjoni qiegħda tifred l-opinjoni pubblika – b’uħud jirrimarkaw dwar ‘il-ġest sentimentali’ u b’oħrajn jitkellmu dwar ‘impenn bla bżonn għall-pubbliċità’.
Id-dilettanti ta’ Hefner – l-imprenditur li, għexieren tas-snin ilu, introduċa l-famuż ġurnal Playboy – esprimew il-fehma tagħhom fuq il-media soċjali, fejn ħafna faħħruh ‘talli apprezza lil Marilyn’ li, fil-fatt, kienet l-ewwel cover-girl ta’ din ir-rivista.
Iżda oħrajn fakkru li filwaqt li Hefner kien introduċa l-brand tiegħu bis-saħħa ta’ dik l-ewwel issue tal-Playboy (li ħarġet f’Diċembru tal-1953), Marilyn Monroe kienet ħassitha imbarazzata bir-ritratti fil-ġurnal u inkwetat dwar il-karriera tagħha bħala attriċi.
Fil-ktieb tagħha, ‘Her Life in Her Own Words’, Marilyn Monroe kitbet li hi ‘qatt ma qalgħet imqar “grazzi” mingħand dawk kollha li qalgħu l-miljuni minn fuq ir-ritratti tagħha’. Dan meta Hefner innifsu qatt ma ltaqa’ personalment ma’ Monroe, li tibqa’ famuża għall-films ‘Some Like It Hot’, ‘The Prince and the Showgirl’, ‘The Seven Year Itch’ u ‘Gentlemen Prefer Blondes’.