Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Gowl fil-ħin miżjud ta’ Farrugia jagħti rebħa lil St. Andrews

(Ritratt - Dominic Borg)

Keane Cutajar

St. Andrews…………1
Senglea………………0

St. Andrews ħadu t-tieni rebħa tal-istaġun fl-logħba li ma tantx għofriet spettaklu, partita li ġiet mirbuħa biss fl-aħħar sekondi tagħha. L-ewwel taqsima kienet ikkontrollata minn Senglea filwaqt li St. Andrews ħadu l-maġġoranza tat-tieni taqsima. St Andrews issa jinsabu b’sitt punti minn sitt partiti filwaqt li Senglea jibqgħu b’tmien punti mill-istess ammont ta’ partiti.

Marco Glumac għamel erba’ tibdiliet mit-telfa li St Andrews ġarrbu fl-aħħar partita. Fuq in-naħa l-oħra Steve D’Amato għamel tlett bidliet fosthom l-inklużjoni ta’ Hubert Vella li ukoll libes il-faxxa tal-kaptin. Matthew Farrugia beda’ bejn il-lasti minnflok Aquillina li jinsab imweġġa.

Senglea sfaw jilaġħbu b’għaxra kmieni fit-tieni taqsima u b’disgħa lejn tmiem il-partita. It-tim tal-Isla kellhom ukoll żewġ gowls imħassrin, wieħed fuq senjalazzjoni ta’ offside mas-siegħa logħob u ieħor lejn l-aħħar minħabba li l-ballun deher jaqbes il-linja minn korner qabel Senglea tefgħu fix-xibka.
Wara ħames minuti logħob Casares ġie żmarkat tajjeb u sab ruħu waħdu mal-gowlkiper ta’ St Andrews iżda Calleja Cremona għamel l-impossibbli u dawwar f’korner.

Ħames minuti wara, Senglea reġgħu kienu perikolużi din id-darba wara korner meta Steve Bonnici ra t-tentattiv bir-ras tiegħu jaħbat mal-lasta. Mir-rebawnd Senglea tefgħu barra.

Ftit wara Calleja Cremona intefa’ minn tulu fl-art biex imblokka xutt minn ċans perikoluż li ħolqu Senglea wara kross tajjeb ta’ Paz minn tlett kwarti grawnd.

Aiden Friggieri resaq viċin li jiskurja wara 20 minuta logħob pero Farrugia intefa’ f’saqajn iż-żagħżugħ u imblokkalu ix-xutt.

Mat-80 minuta logħob is-sostitut Vella daħal tajjeb fil-kaxxa u minn pożizzjoni angolata sab lil Calleja Cremona attent li salvalu t-tentattiv tiegħu.

Mad-90 minuta Atkinson venven xutt minn barra l-kaxxa li Farrugia salva tajjeb.
St Andrews rebħu l-partita fl-aħħar azzjoni, fil-ħin miżjud minn freckick perfett ta’ Joseph FARRUGIA li spiċċa fir-rokna tax-xibka.