Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Tripletta ta’ Lydon Micallef ixxejjen lil Mosta

(Ritratt - Martin Agius)


George Cassar

ĦAMRUN S……5
MOSTA………….2

Lydon Micallef skorja l-ewwel tliet gowls tiegħu bil-flokk ta’ Ħamrun Spartans biex għenhom iwarrbu l-isfida ta’ Mosta u jiksbu t-tielet rebħa staġjonali. B’hekk l-attakkant misluf mingħand Balzan ikompli jħabbat il-bieb tat-Tim Nazzjonali Malti u wara li għamilha mal-iskwadra proviżorja, issa jittama li l-wirja tal-bieraħ tkun biżżejjed biex tikkonvinċi lill-kowċ Pietro Ghedin, li kien preżenti għall-partita, biex jagħmilha wkoll għal dik finali.

Waqt il-partita kien jinħass entużjażmu fost il-partitarji Ħamruniżi li rebħa kbira fil-grawnd fil-konfini tagħhom stess dejjem tinżlilhom għasel.

Sa qabel din il-partita, f’dan il-kampjonat, Mosta dejjem ħarġu mill-grawnd b’rashom mgħollija, iżda lbieraħ kienu wisq erratiċi tant li taw żewġ gowls fuq platt lill-avversarji.

Wara biss żewġ minuti, Ivan Maric donnu kien għadu ma niżilx fil-grawnd, hekk kif ta pass traskurat fid-difiża, li minnu approfitta Lydon MICALLEF li skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk Ħamruniż.

Fl-għaxar minuta Mosta skurjaw huma wkoll meta minn kross mix-xellug tas-solitu Thomas Veronese, id-difiża Ħamruniża biegħdet il-ballun parzjalment, biex l-internazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Dexter XUEREB kien lest barra l-kaxxa u skorja fir-rokna leminija tal-gowlkiper Steve Sultana.

Mal-kwarta logħob Ħamrun reġgħu marru fil-vantaġġ b’azzjoni li bdiet minn kross mix-xellug ta’ Thiago Espindola u li ntemmet fir-rokna tax-xibka b’daqqa ta’ ras perfetta tad-difensur ċentrali MAURICIO.
Fil-35 minuta l-Ispartans żiedu l-vantaġġ meta Lydon MICALLEF irċieva rigal ieħor meta interċetta pass lura min-nofs il-grawnd ta’ Dexter Xuereb lejn il-gowlkiper u skurja mingħajr wisq diffikultà.
MICALLEF għaqqad il-hat-trick fis-67 minuta meta rċieva mingħand il-captain Triston Caruana u skorja minn pożizzjoni ċentrali qrib il-kaxxa ż-żgħira.

Kwarta mit-tmiem, Mosta naqqsu d-distakk meta wara freekick mix-xellug, is-sostitut żagħżugħ ta’ sbatax-il sena Calvin CAMILLERI ħa l-ballun mitluf u skorja l-gowl tad-debutt.

Minuta qabel skorrew id-disgħin minuta, it-tim imexxi minn Jacques Scerri reġa’ żied il-marġni għal tliet gowls meta l-plejer tal-logħba Micallef ġab waħdu lil Siraj ARAB li resaq viċin il-gowlkiper Mosti Andreas Galea u għaddielu l-ballun minn taħtu għall-ħames gowl Ħamruniż u l-ewwel wieħed tiegħu bil-flokk aħmar u iswed.