Lokali

Proposta liġi biex supermarkets ma jarmux l-ikel u jtuh lil għaqdiet volontarji

Skont statistika tal-Eurostat, 25% tal-ikel li jkun prodott jew importat f’Malta, jispiċċa mhux ikkonsmat u jintrema.

Min-naħa l-oħra, għandek għaqdiet li qed jaħdmu ma’ persuni fil-faqar u fil-bżonn li mhux qed ikollhom biżżejjed donazzjonijiet ta’ ikel biex ikomplu bil-ħidma tagħhom.

Kien f’dan il-kuntest, li iktar kmieni din il-ġimgħa, is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli, ippreżenta abbozz ta’ liġi lill-President ta’ Malta li permezz tagħha, supermarkets kbar ma jitħallewx iktar jarmu l-ikel li għadu tajjeb għal konsum, iżda jagħtuh lil għaqdiet mhux governattivi bħala donazzjoni biex iqassmuh lil min ikoll bżonn.

Fil-fatt, l-inizzjattiva saret ukoll bl-appoġġ tal-Knisja Skoċċiża fil-Belt Valletta li qed tmexxi food bank kif ukoll il-Patrijiet Franġiskani li jinsabu fl-aħħar tħejjijiet biex jiftħu soup kitchen fil-ġimgħat li ġejjin.

 

Dan l-abbozz hu ispirat minn abbozz simili li sar liġi fi Franza is-sena li għaddiet. Fil-fatt, is-Sindku tal-Belt Valletta għamel kuntatt ma’ Arash Derambarsh, kunsillier reġjonali f’isem il-Partit Repubblikan ta’ Franza u li hu l-moħħ wara din il-liġi.

Fil-fatt Derambarsh għadda kopja tal-liġi Franċiża lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-liġi kienet maqluba għall-Malti u mfassla bħala abbozz.

Issa, il-pass li jmiss hu li xi Deputat jippreżenta l-Abbozz bħala Private Member’s Bill fil-Parlament.