Ir-rispett lejn il-forom kollha tal-ħajja, kemm tal-bniedem kif ukoll tal-ħlejjaq, l-iżvilupp li jirrispetta l-kwalita’ tal-ħajja u d-dinjita’ fix-xogħol kienu t-temi ewlenin ittrattati f’position paper maħruġa mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent.
Maħruġa fl-okkażjoni tax-Xahar tal-Ħolqien, il-position paper hi mnebbħa mill-Enċiklika Laudato Si, mill-pinna tal-Papa Franġisku, dwar il-valur tal-ħajja u l-ħtieġa li nirrispettawha fil-forom kollha tagħha. F’diversi partijiet tal-Enċiklika, il-Papa kixef u kkundanna prattiċi differenti li, bl-iskuża tal-progress u l-iżvilupp ekonomiku, ikomplu jkattru l-miżerja ta’ parti kbira tal-bnedmin u l-qerda tal-ħolqien.
Il-ħajja u l-attakki fuqha
Il-Kummissjoni Ambjent fakkret kif f’dawn l-aħħar 10 snin, hi kkundannat bla riżervi l-moħqrija u l-qtil bla bżonn tal-annimali. Minkejja li sar progress kbir sabiex din il-pjaga tinqered, xorta għadek tara klieb u qtates abbandunati u esposti għal kull abbuż, tajr protett maqtul, żwiemel u bhejjem oħra maħqura waqt tlielaq, festi u fieri. “Għandna rispett veru lejn dawn il-kreaturi? Jew kollox aċċettat bl-iskuża ta’ delizzji u tradizzjonijiet?,” tistaqsi l-Kummissjoni.
Min-naħa l-oħra, issib li xi wħud li bir-raġun tikolhom qalbhom meta jaraw annimali jinħaqru, ma jurux l-istess rispett lejn it-trabi fil-ġuf.
Waqt dibattiti li saru dwar il-morning after pill, l-IVF u l-iffriżar tal-embrijuni, sar ħafna diskors legali bl-argument li għalkemm min hemm fil-ġuf hu uman, dan mhux persuna u għalhekk mhux kompletament uman. Il-Kummissjoni Ambjent tqis dan l-argument bħala retorika “li tipprova sserraħ il-kuxjenza u tiġġustifika ċerti interventi bill taħbi l-verita’. Liema verita’ hi li l-bniedem jibqa’ l-bniedem bid-drittijiet kollha tiegħu, irrispettivament mid-daqs, l-istat tal-iżvilupp, l-abilita’ fiżika u mentali u mill-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu.” “Ħadd m’għandu d-dritt li jilgħabha ta’ Alla u jiddeċiedi min għandu jgħix u min le,” tisħaq il-Kummissjoni.
Fil-kuntest ta’ soċjeta’ ġusta, wieħed irid jiżgura li jitħarsu d-drittijiet ta’ kulħadd; kemm tal-koppji involuti u speċjalment tal-ulied li għadhom vulnerabbli wisq biex jiddefendu ruħhom. Il-Kummissjoni Ambjent tgħid li l-iffriżar jesponi lil dawn l-ulied għal riskji li jistgħu iwassluhom għall-mewt u jpoġġuhom f’periklu ta’ manipolazzjoni.
Attakki fuq l-abitat tal-ħlejjaq
Il-Kummissjoni Ambjent qalet li wieħed jassumi li għal pajjiżi żgħir bħal tagħna, l-użu għaqli tal-art jingħata prijorita’ għolja. Madanakollu, jidher li dan mhux il-każ għax l-ispazji miftuħa qegħdin dejjem jonqsu u posthom qed jittieħed minn aktar bini li ħafna minnu jibqa’ vojt. Ma’ dawn jiżdied it-teħid illegali ta’ art pubblika, abbuż li ilu magħna s-snin u bħal donnu amministrazzjoni wara l-oħra tibża’ tieħu azzjoni biex din il-pjaga tinqered darba għal dejjem.
Il-Kummissjoni Ambjent tħoss li wasal iż-żmien li l-Awtorita’ tal-Ippjanar tkun iktar proattiva fejn jidħol l-ippjanar minflok tqatta’ l-ħin kollu tipproċessa talbiet għall-iżilupp. L-Approvazzjoni ta’ ċertu proġetti bħal fil-każ ta’ iktar pompi tal-petrol, djar tal-anzjani, skejjel u binjiet oħra, huwa sinjal ċar li mhux dejjem ikun sar studju dwar kemm dawn il-proġetti ikun hemm tassew bżonnhom.
It-tifsira vera tal-iżvilupp
Il-Kummissjoni Ambjent qalet li hemm bżonn nirriflettu dwar x’nifhmu meta ngħidu “żvilupp”. “Żvilupp veru jmur lil hinn mill-gwadann finanzjarju, u jiżgura l-kwalita’ tal-ħajja u d-dinjita’ ta’ kull persuna,” tenniet il-Kummissjoni, “Kull żviluppatur li jistħoqqlu verament dan l-isem, minbarra li jiżgura li jkollu l-gwadann mistħoqq, għandu jkun impenjat sabiex jitkattar il-ġid komuni. Mod tanġibbli kif dan isir hu billi jkun żgurat ix-xogħol dinjituż.”
Għaldaqstant, jistonaw ħafna li qamu f’pajjiżna mis-settur kummerċjali kontra ż-żieda tal-paga minima, il-leave tal-maternita’, l-impjieg ta’ persuni b’diżabilita’ u t-tnaqqir tas-sick leave. “Waqt li kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltajiet tiegħu fid-dinja tax-xogħol u jaqdi dmirijietu b’kuxjenza, kull inizzjattiva li twaqqa’ d-dinjita’ tal-persuna ma tistax tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pajjiż, hi kemm hi ekonomikament vantaġġjuża.
Il-Kummissjoni Djoċesana Ambjent temmet li t-tkattir tal-ġid komuni għandu jkun il-mira ta’ kull amministrazzjoni. Imma wieħed irid joqgħod attent dwar il-mod kif jilħaq din il-mira, u jekk il-ġid iġġenerat hux qed jitqassam b’mod ekwu. Fejn kulħadd jitkellem fuq id-drittijiet li għandu, il-prinċipju bażiku hu li ma jistax ikollok dritt jekk, biex tieħu dak id-dritt, iċċaħħad lil ħaddieħor minn xi dritt tiegħu.
//= $special ?>

