Internazzjonali

Tirtira d-diplomatiċi Amerikani minn Kuba

L-Ambaxxata Amerikana f'Havana, f'Kuba.

L-Istati Uniti bdiet tirtira aktar minn nofs id-diplomatiċi stazzjonati fl-Ambaxxata f’Havana f’Kuba. Dan wara li diversi diplomatiċi Amerikani spiċċaw fil-mira ta’ attakki misterjużi.
F’dawn l-attakki 21 impjegat tal-Ambaxxata spiċċaw torox inkella sofrew sturdament. Kien hemm ukoll żewġ diplomatiċi Kanadiżi li kien ġralhom l-istess. X’kienet il-kawża u minn min, għadhom misteru. Imma l-Gvern Amerikan avża wkoll biex anki ċ-ċittadini Amerikani jevitaw li jmorru Kuba. Dan peress li xi wħud mill-attakki seħħew f’lukandi.
Il-Gvern Kuban qed jiċħad li b’xi mod għandu x’jaqsam ma’ dawn il-każi u stqarr li l-Istati Uniti kien għaġġel fid-deċiżjoni tiegħu.