Lokali

“Adrian Delia jrid jagħmel bidliet radikali biex il-PN jerġa’ jkun viċin in-nies” – Alexander Borg Olivier

Intervista mal-eks Ambaxxatur Malti Alexander Borg Olivier, iben Ġorġ Borġ Olivier, Missier Malta Indipendeti

“Tul dawn l-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista, ftit ftit, beda jinqata’ minn man-nies u, ftit ftit, ma baqax iħaddan il-karatteristiċi tipiċi tiegħu li kienu jiddistingwuh u jagħmluh l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Il-Partit Nazzjonalista beda jiddistakka ruħu min-nies. Naqas id-djalogu veru. Ikkonsultati biss l-erba’ min-nies tas-soltu li madwarhom idur kollox għax jaħsbu li jafu kollox u allura ħaddieħor ikollu jsegwi dak li jgħidu huma.

“Il-Partit Nazzjonalista ma baqax il-Partit tal-viżjoni jew il-protagonista tal-azzjoni, imma sar il-Partit tar-reazzjoni. Xi ħadd jieħu azzjoni u l-Partit Nazzjonalista jirreaġixxi. Mhux aktar jixpruna, imma jsegwi.

“Dan kollu wassal għal telfa waħda akbar minn oħra. Erba’ telfiet infila. Barra minhekk dawn it-telfiet huma riflessjoni ċara u diretta tar-rabja kbira tan-nies lejn il-Partit Nazzjonalista.

“Kien għalhekk li jien emmint f’Adrian Delia. Bniedem ġdid li ma kellu l-ebda konnessjoni mat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista iżda li emmen li seta’ jidħol fil-PN, jiddedika ħajtu u jagħti viżjoni, enerġija, entużjażmu u dinamika ġdida lill-PN.

“U f’dawn l-ewwel ftit jiem wieħed jista’ jinnota l-vibe pożittiva li ġab fil-PN u kif nies li kienu mxew lil hinn mill-Partit, issa qed jerġgħu jirritornaw fi ħdanu.”

Din l-istqarrija għamilha miegħi bl-aktar mod emozzjonat l-eks Ambaxxatur Malti Alexander Borg Olivier, iben l-eks Prim Ministru u Kap tal-PN Ġorġ Borg Olivier li fl-1964 kiseb l-Indipendenza għal pajjiżna u għall-poplu Malti u Għawdxi… l-akbar jum storiku fil-ġrajja ta’ pajjiżna.

“Dejjem infittex dak li hu tassew ta’ ġid għall-pajjiż”

Il-konversazzjoni tiegħi ma’ Alexander Borg Olivier kienet twila u matulha tkellimna ħafna dwar il-karriera twila tal-istess Diplomatiku Malti li serva f’diversi karigi sensittivi u delikati. “Dejjem kelli quddiem għajnejja objettiv wieħed… dak li nfittex dak li tassew hu ta’ ġid għal pajjiżna u l-poplu Malti. Dan għamiltu fi kwalunkwe kariga li okkupajt. Dejjem ġibt quddiem għajnejja x’inhu l-aħjar u l-aqwa għal pajjiżi u għall-poplu Malti u aġixxejt skont dak li emmint fih.

“Dejjem bqajt viċin dak kollu li jkun qed jiġri f’Malta”

“U rnexxieli b’suċċess kbir nagħmel dan għaliex grazzi għall-ħidma li wettaqna fis-snin 80 u 90 u fis-snin ta’ wara, isem Malta poġġejnih fil-Għoli f’kull organizzazzjoni, awtorità u istituzzjoni internazzjonali… fosthom ukoll fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti fejn saħansitra okkupajna l-ogħla kariga fl-Assemblea Ġenerali.”

Alexander Borg Olivier qal li tul il-50 sena li ilu jimmilita lil hinn minn pajjiżna, fosthom fl-aħħar snin ġewwa l-Kosovo, dejjem baqa’ viċin dak kollu li jkun qed jiġri f’Malta. “Dejjem segwejt b’interess u b’assidwità kbira kulma jkun qed jiġri f’Malta. Kont spalla ma’ spalla mal-Kapijiet tal-PN… ma’ Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, Ċensu Tabone, Lawrence Gonzi u anki ma’ Simon Busuttil. Dejjem kont leali lejhom. Anzi meta forsi ma qbilniex u forsi kont iweġġa’. Il-lealtà tiegħi lejhom dejjem kienet indiskussa.”

Hu qal li fl-aħħar snin kien imnikket ħafna jara lill-PN jitbiegħed min-nies u jinqata’ min-nies. “Minkejja li kont ‘il bogħod minn Malta; Malta u l-PN dejjem baqgħu f’qalbi u ġewwa moħħi u kont kontinwament ninnota dak li kien qiegħed jiġri hawnhekk.”

 

“Jeħtieġ li jkollna Oppożizzjoni b’saħħitha”

Mistoqsi biex jagħmel x-ray tas-sitwazzjoni attwali llum, l-Avukat Internazzjonali Borg Olivier, wara li ħa nifs ‘il ġewwa, qal li imperattiv li jkollna Oppożizzjoni b’saħħitha li tikkontrolla dak li jkun qiegħed jiġri fil-pajjiż. “Illum hawn Gvern li jagħmel kollox, jirrombla fuq kulħadd u bħal donnu ħadd ma jista’ għalih. Din hi sitwazzjoni mill-aktar preokkupanti u perikoluża. Jekk tassew inħobbu d-demokrazija jeħtieġ li jkollna Gvern li jkun il-ħin kollu taħt il-lenti ta’ Oppożizzjoni serja, effettiva, kostruttiva u dinamika.

“Jeħtieġ li llum qabel għada jkollna Oppożizzjoni li tkun qed tiffunzjona kif mixtieq u kif meħtieġ. Oppożizzjoni li tkun isserraħ moħħ in-nies li kapaċi toffri salvagwardji għall-interessi veru tan-nies u tas-soċjetà Maltija.”

Hu kompla li “biex ikollna Oppożizzjoni b’saħħitha, jeħtieġ li llum qabel għada jkollna lill-PN jiffunzjona b’mod qawwi, tajjeb u serju. Jekk ikollna lill-PN b’saħħtu u magħqud, allura jkollna Oppożizzjoni soda fuq riġlejha li kapaċi taġixxi, tikkumbatti u tixpruna.”

“Bżonn ta’ tibdil radikali biex il-PN jerġa’ jkun rebbieħ”

Alexander Borg Olivier spjega li fl-aħħar snin il-PN beda sejjer lura sew. “Jekk irridu nkunu ġenwini u onesti rridu nammettu li kellna lill-PN jġarrab l-akbar telfiet… telfa akbar minn oħra. Illum ilkoll nistqarru li ma jistax ikun li dan il-Partit li tant inħobbu jibqa’ jġarrab telfa wara oħra mingħajr ma jagħmel it-tibdil radikali li hemm bżonn u li permezz tiegħu tassew jerġa’ jsir il-Partit naturali mill-Maltin.

“Ejja nammettu li l-PN fl-aħħar għaxar snin tbiegħed min-nies. In-nies kienu jersqu bil-problemi tagħhom iżda ma kienu jsibu lil ħadd jismagħhom jew jipprova jgħinhom. Nies bi problemi żgħar jew mhux daqstant żgħar li ġara li meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, qeda lil dawn l-istess bżonnijiet tan-nies!”

Alexander Borg Olivier qal li hu meħtieġ b’mod urġenti ħafna li l-PN jerġa’ jkun viċin tan-nies u jismagħhom bis-serjetà. “Il-partitarji kollha għadhom iħossu rabja kbira għall-fatt li l-Partit tbiegħed daqstant min-nies. Jien niftakar lil ommi tilqa’ lin-nies f’darna u tagħmel minn kollox biex tgħinhom. Kont nistħajjilha qisha xi Ministru… tirsisti u tistinka biex tgħin lin-nies.”

Hu kompla li l-PN fl-aħħar snin għadda minn telfiet kbar, iżda bħal donnu ma kienx qed jieħu t-tbeżbiża jew il-messaġġ ta’ din ir-rabja tan-nies. “Dan kien ifisser li l-PN kellu bżonn l-għajnuna soda ta’ nies mhux daqstant involuti fil-Partit. Adrian Delia kien wieħed minn dawn in-nies li ħassew is-sejħa tal-Partit biex f’dan il-mument diffiċli jidħlu għal dan il-piż kbir biex il-PN ma jibqax Partit tellief.

“Adrian Dellia bir-rekwiżiti kollha f’dan il-mument”

“Onestament li xtaqt li kien hemm aktar persuni ta’ kalibru kbir li jitfaċċaw għall-Partit f’din is-sitwazzjoni diffiċli, filwaqt li nsellem lit-tliet persuni l-oħra li wkoll ħarġu għonqhom għat-Tmexxija tal-Partit.

“Finalment ħassejt li mill-erba kandidati li kienu qed jaħdmu għal din il-kariga, Adrian Delia kellu r-rekwiżiti kollha biex ikun idoneu għat-Tmexxija tal-PN f’mumenti tassew diffiċli.

Alexander Borg Olivier qal li dan id-diskors iebes qed jgħidu b’dieqa kbira ħafna iżda jħoss li għandu jgħidu jekk verament iħobb lill-PN.

“Illum il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiret Partit f’dawn iċ-ċirkostanzi iebsa u diffiċli ħafna. Storja twila biex tirrakkontaha fejn il-Partit iddistakka ħafna min-nies u fejn hemm ħafna responsabbiltajiet li jridu jintrefgħu minn dawk kollha li kienu fit-Tmexxija tal-Partit fl-aħħar għaxar snin fejn tlifna dik il-viżjoni li kienet tagħti tant aspirazzjonijiet u tama.”

“Kisbiet mill-PN għall-pajjiż meta kellu l-viżjoni”

Alexander Borg Olivier kompla li jekk wieħed iħares lejn l-istorja li ssawwar lill-PN allura jifhem tajjeb ħafna kif l-akbar kisbiet li qatt għamel pajjiżna, għamilhom grazzi għall-viżjoni u d-dinamiċità li dejjem kellu l-PN… jiġifieri l-kisba tal-Indipendenza fl-1964 u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004.

Hawnhekk hu qal li “iżda donnu wara li dħalna fl-UE bħal dħalna fl-era tal-abbandun. Ma baqax aktar Partit Nazzjonalista mimli b’viżjoni u b’fokus. Bdejna nħarsu lejn l-immedjatezza aktar milli nippjanaw fit-tul kemm għall-Partit infusu kif ukoll għall-interessi vera tal-pajjiż.

“Ejja napprezzaw li dan il-Partit dejjem tmexxa minn ġganti kbar tal-istorja… Ġorġ Borg Olivier li kiseb l-Indipendenza; Eddie Fenech Adami li daħħalna fl-UE. Imbagħad Eddie Fenech Adami spiċċa minn Prim Ministru u sar President ta’ Malta u fil-fehma tiegħi bdew isiru diversi bidliet li wasslu biex ftit ftit bosta bdew jitilqu minn Partit biex ma ngħidx li saħansitra twarrbu mill-Partit.”

Hu kompla li llum “jekk irridu nkunu ġenwini jkollna nammettu li lil Lawrence Gonzi ħallewh waħdu mingħajr is-sostenn li tant kellu bżonn. Iduru madwaru l-istess erba’ min-nies li jaħsbu li kienu jafu kollox.

“Il-ġlieda l-kbira kellha tkun kif il-PN se jikkonvinċi lin-nies”

“Iva. Tlifna t-triq u tlifna l-viżjoni li kellna… u r-riżultati kulħadd jaf x’kienu… żewġ telfiet elettorali kbar ħafna ta’ saħansitra 40,000 vot, telfa fil-Kunsilli Lokali u telfa fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Ma bqajniex l-għażla naturali tal-Maltin u tal-Għawdxin.

“Issa spiċċajna nitkellmu biss fuq il-korruzzjoni u ma tkellimniex fuq issues oħrajn ferm importanti. Tajjeb li tiġġieled il-korruzzjoni u li titkellem bil-qawwa fuq il-korruzzjoni, imma hu importanti ħafna wkoll li tikkonvinċi lin-nies bi programm serju li int kapaċi ġġib il-ġid, ix-xogħol u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema fil-pajjiż.

“Le, ma ħdimniex biżżejjed fuq programm ħolistiku li bih nikkonvinċu lin-nies u jaraw binha Partit li kapaċi jkun Gvern alternattiv. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kellna bżonnha, iżda ġlieda kbira oħra kellha tkun dik li nikkonvinċu lill-Maltin li kapaċi noħolqu l-ġid u x-xogħol. Konna wisq iffokati fuq il-korruzzjoni, bla ma smajna biżżejjed dak li kellhom xi jgħidu n-nies u wrejnihom aħna xi stajna noffrulhom biex ngħinuhom fil-bżonnijiet veru tagħhom. Lin-nies ridna nikkonvinċuhom ukoll kif il-ġid li konna kapaċi noħolqu konna se nkunu kapaċi nxerrduh fost kulħadd u fost l-aktar li għandhom bżonn.”

Alexander Borg Olivier enfasizza li “saru wisq żbalji. Ma kienx hemm strateġiji tajbin. Ma wrejniex lin-nies li kapaċi nkunu Gvern alternattiv b’saħħtu. Illum inutli ngħidu ejja nkomplu fuq l-istess triq. Allura mhux ċar il-messaġġ… hemm bżonn li nsibu nies ġodda li nirbħu l-fiduċja tagħhom u li jkunu lesti biex jaħdmu għal dan il-Partit. Uċuħ ġodda. Nies ta’ kalibru. Persuni bravi li jistgħu jagħtu kontribut validu.

“U jien għalhekk tajt l-appoġġ tiegħi lil Adrian Delia biex ikun hu l-Kap il-ġdid wara li kont diżappuntat kollha.”

“Adrian Delia kien l-aktar kandidat b’saħħtu fit-tellieqa”

Hu kompla li hu fehem li l-aktar kandidat b’saħħtu fit-tellieqa għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit allura kien Adrian Delia. Fehem u emmen li dan jista’ jagħmel id-differenza “u għalhekk ħassejt li għandi nagħtih l-appoġġ tiegħi.

“Il-poplu qed jifhem dan ukoll. Il-poplu ħass dan sa mill-bidu nett. In-nies hemm barra ma jridux li jkollna Partit li jibqa’ fuq it-triq tat-telfa b’nies fit-Tmexxija li jirreżistu l-bidliet li hemm bżonn. Għalhekk kibret il-mewġa favur Adrian Delia u aktar ma kien hemm min oġġezzjona għal Adrian Delia, akbar kienet il-mewġa u ssaħħet. Adrian Delia wera li kapaċi joħloq enerġija ġdida u entużjażmu ġdid li kien hemm bżonn biex il-Partit jerġa’ jiġi fuq saqajh.”

Hu kompla li “sfortunatament f’din it-tellieqa kien hemm anki kandidati validi ħafna li iżda huma wkoll huma assoċjati mat-telfiet li kellna fil-Partit fl-aħħar snin. In-nies ma jistgħux jemmnu ċerti wegħdiet li issa dawn kienu se jinbidlu jew jibdlu kif jaħsbu.

“Il-vantaġġ ta’ Adrian Delia hu li dan hu persuna barrani li ma hux assoċjat mat-telfiet elettorali u miegħu qed iġib ħsibijiet ġodda, enerġija ġdida u politika ġdida fil-mod kif issir u titwassal lin-nies. Politika li ma tibqax issir minn fuq għal isfel, iżda li ssir minn isfel għal fuq. Mhux aktar attakki, mibegħda, firda u theddid… saru ħafna żbalji għax konna bla strateġija, bla direzzjoni… konna sirna Partit tar-reazzjoni flok Partit tal-azzjoni.”

Alexander Borg Olivier saħaq li hu ma jistax jifhem kif il-PN kien spiċċa Partit bla viżjoni u bla tragwardi quddiemu. “Dan kollu meta aħna konna dejjem il-Partit fuq quddiem. Il-Partit li jfassal il-politika u li ħaddieħor isegwi jew jirreaġixxi. Għandna bżonn Oppożizzjoni li tieħu l-azzjoni u li kapaċi tkun soda.”

“Bqajt dejjem leali lejn il-Kap tal-Partit, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi”

Mistoqsi jekk tul is-snin li kien jgħix lil hinn minn xtutna kienx jiġbed l-attenzjoni għal dak li kien qed jiġri fi ħdan il-PN, Alexander Borg Olivier qal li tul il-50 sena li kien ‘il bogħod minn Malta dejjem baqa’ viċin tal-Kapijiet kollha u ħadem bl-enerġija skont l-ispazju li tawh.

“Il-karriera tiegħi dejjem kienet viċin ħafna tal-PN tant li bosta jqisuni wieħed minn ta’ ġewwa nett. Naturalment kien hemm mumenti meta weġġajt ukoll, iżda ngħidlek li xorta bqajt dejjem leali lejn il-Kap tal-Partit, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi.

“Eddie Fenech Adami kien jinvolvini ħafna u bqajt nagħti l-pariri tiegħi dejjem u kulmeta mitlub. Minhemm ‘il quddiem jien kont involut anqas u anqas. Madankollu dejjem bqajt leali lejn kull Kap li kellu l-PN… anki jekk meta spiċċa Eddie Fenech Adami, il-PN beda jterraq fit-triq tat-tbatija.

“Mumenti li jagħtu ċans lill-PN iqum fuq saqajh”

Mistoqsi kif jinterpreta u jħares lejn iż-żminijiet tal-lum, Alexander Borg Olivier qal li bla dubju ta’ xejn li dawn huma mumenti mill-aktar eċċitanti li qed jagħtu ċ-ċans lill-PN li jerġa’ jqum fuq saqajh u jimxi fid-direzzjoni t-tajba fis-sens li jerġa’ jsir il-Partit tal-għażla naturali tan-nies. “Imma biex dan isir realtà hu importanti ħafna li nerġgħu ningħaqdu. Dan hu importanti ħafna u issa kulħadd irid jagħraf li wara li sar proċess demokratiku għall-għażla tal-Kap tal-Partit, allura issa kulħadd irid jaċċetta r-riżultat tal-għażla tal-Kunsillieri u t-Tesserati u nibdew naħdmu flimkien biex dan il-Partit jerġa’ jibda jikber fil-kwalità u fin-numri. Aħna pijunieri tad-demokrazija u allura għandna nibdew billi nipprattikawha tassew aħna stess.”

Alexander Borg Olivier kompla li hu jifhem li mhux kulħadd xtaq dan ir-riżultat, iżda issa dan hu r-riżulat li mmatura wara proċess trasparenti u mill-aktar demokratika. Allura issa kulħadd għandu jaċċetta dan ir-riżultat u ma jistax jibqa’ jżomm lura milli jkollna l-għaqda sħiħa fil-mixja ‘l quiddiem.

“Din se tkun sfida kbira ħafna li se jkolllu l-Partit quddiemu. Imma kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu. Irridu niddeċiedu jekk hux se nimxu fl-aħjar interessi tal-Partit jew inkella hux se nibqgħu noħolqu d-dubji, l-inċertezza u nkunu xettiċi.

“It-triq ‘il quddiem trid tkun mibnija fuq l-għaqda ġenwina. Mhux se tkun faċli. In-Nazzjonalsiti ġenwini jridu l-għaqda u jridu li Adrian Delia jingħata ċ-ċans biex jaħdem. In-Nazzjonalisti ġenwini qed jokorbu biex insiru l-Partit tal-azzjoni flok il-Partit tar-reazzjoni.

“Irridu nkunu mill-ġdid viċin tan-nies. Jeħtieġ li jkollna l-makkinarju tal-Partit jaħdem biex nisimgħu lin-nies. U mhux inkunu distakkati minn dak li jridu n-nies. Irridu noħolqu viżjoni fit-tul li tagħti t-tama liż-żgħżażagħ li jaraw futur fis-sod u mimli tama, lill-familji li jkollhom is-sostenn tal-Partit tagħna anki mill-Oppożizzjoni.

“Irridu nkomplu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni iżda rridu nġibu ‘l quddiem ukoll kwistjonijiet oħra ferm importanti, fosthom li se nreġġu lil pajjiżna lejn il-ħajja normali, Qrati li jaħdmu, istituzzjoniijiet li jissalvagwardaw l-interessi veri, naqtgħu l-mibegħdi u l-firda u l-ħafna politika partiġġjana żejda. Inkunu aktar pożittiv.

“Irridu nħarsu ‘l bogħod. X’se jiġri minn Malta tletin sena oħra? Min se jieħu ħsieb lill-anzjani tagħna? Pajjiż għandu ambjent san fejn dan ma jkunx ta’ periklu għalina? Ejja nagħmlu l-pijorijitajiet sew u wara xulxin,” saħaq Alexander Borg Olivier.

“Politika minn isfel għal fuq”

Mistoqsi dwar id-diskors li hu għamel lejliet l-Indipendenza, Alexander Borg Olivier qal li f’dak id-diskors ta’ Fuq il-Fosos ried jenfasizza li-importanza tal-Indipendenza bħala l-akbar kontrobut li qatt ta lil Malta xi partit politiku u f’dak il-każ din il-kisba għamilha l-PN.

“Tkellimt ukoll fuq il-politika attwali u wassalt ukoll il-messaġġ li hemm bżonn li kulħadd ikun magħqud wara l-Kap il-ġdid u li l-Partit ikun tassew il-vuċi tan-nies. Ikun tassew viċin tan-nies. Tmexxija viċin tan-nies. Fost in-nies. Inħobbu lin-nies u nisimgħu bil-problemi tan-nies u nippruvaw ngħinuhom u mhux nitmejlu bin-nies.

“Daqshekk politika minn fuq għal isfel, imm aktar minn isfel għal fuq. Il-poltika hi biex tagħti servizz u toffri tassew l-għajnuna lin-nies skont il-bżonnijiet tagħhom. Ma nibqgħux bl-attitudni li nafu kollox u niddettaw kollox aħna.

“Il-PN irid isir partit tal-azzjoni”

“Il-Partit irid jagħti kontribut kbir f’dan ir-rigward – resqin lejn it-Tieni Repubblika u għalhekk ejja nfittxu politika ta’ konsensus billi nħabblu moħħna u nkunu Partit ta’ azzjoni. Ejja noħorġu b’ideat ġodda u naġġornaw il-Kostituzzjoni ta’ Malta biex tkun tirrifletti ż-żminijiet tal-lum.

“Jeħtieġ li l-parti eżekuttiva tal-Istat tkun sepeatata mill-istrutturi li jeħtieġ li jkunu indipendenti biex jissalvagawdaw l-interessi veri tal-Maltin u l-Għawdxin,” kompla Alexander Borg Olivier.

Hu ħeġġeġ biex ikun hemm aktar poteri f’idejn il-President ta’ Malta li tassew għandu jkun il-protettur tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Proċess importanti ħafna lejn Qrati li jaħdmu, istituzzjonijiet li jaħdmu, regolaturi effiċjenti u serji. “Ejja noħolqu Malta moderna fejn tassew ħadd ma jkun lura – b’futur sod ibbażat fuq it-tkattir tax-xogħol u l-ġid, l-opportunitajiet għal kulħadd, it-tisħiħ tal-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa… ejja npoġġu lill-bniedem bis-serjetà u bil-fatti fiċ-ċentru tal-politika.”

Alexander Borg Olivier temm li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq… ninsabu wara l-bieb ta’ riformi kbar importanti u għalhekk hu meħtieġ li fil-pajjiż ikun hawn Oppożizzjoni serja li taħdem bl-akbar mod inklussiva u li fiha tkun tħaddan ukoll nies ta’ kalibru li jagħtu l-vuċi u s-sehem tagħhom u fortunatament fil-pajjiż hawn ħafna nies ta’ kalbiru, ta’ esperjenza, persuni irtirati bħal eks Parlamentari u oħrajn li jistgħu jagħtu l-parir tagħhom li jkunu ta’ ġid għall-futur ta’ pajjiżna.