Lokali

Adrian Delia mistenni jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ġimgħa li ġej

Il-Kap tal-PN Adrian Delia
Nhar it-Tlieta ssir l-elezzjoni każwali fejn hu mistenni li jiġi elett Deputat Nazzjonalista ġdid. X'inhi l-proċedura minn hemmek 'il quddiem biex jiġi ċedut is-siġġu favur Adrian Delia? Il-mument

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia mistenni jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ġimgħa li ġej.

Żvelat dan il-gazzetta il-mument, li spjegat li l-ġurament tal-ħatra se jingħata mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru 2017 wara li jumejn qabel, jiġifieri nhar l-Erbgħa 4 ta’ Ottubru, jieħu l-ġurament bħala Deputat Parlamentari.

Dan l-iżvilupp importanti mistenni jseħħ wara li nhar it-Tlieta li ġej issir l-elezzjoni każwali. Nhar it-Tlieta li ġej ukoll, l-istess Deputat Nazzjonalista elett jieħu l-ġurament tal-ħatra. F’diskors qasir li mistenni jsir minnufih wara t-teħid tal-ġurament mill-istess Deputat elett, hu mistenni, skont il-ftehim diġà milħuq, li d-Deputat elett jagħti r-riżenja immedjatament lill-Ispeaker tal-Parlament.

Il-mument iżżid tispjega li b’hekk jibda l-proċess l-ieħor li permezz tiegħu Adrian Delia jkun jista’ jsir Deputat Parlamentari permezz ta’ co-option. Jumejn wara, issir iċ-ċeremonja li matulha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni.