Arsenal baqgħu punti massimi fl-Emirates Stadium wara li għelbu lil Brighton 2-0. Huma fetħu l-iskor wara kwarta logħob, meta f’azzjoni konfuża, kien finalment Nacho Monreal li b’xutt minn pożizzjoni ċentrali għeleb lil Matthew Ryan. Il-Gunners irduppjaw għaxar minuti fit-tieni taqsima. Kienet azzjoni tajba ta’ Alexis Sanchez li bit-takkuna fetaħ lejn Alex Iwobi li minn qagħda ideali skorja t-tieni gowl.
Liverpool kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 1-1 f’St. James’ Park kontra Newcastle. Kienu t-tim ta’ Klopp li fetħu l-iskor fid-29 minuta b’xutt b’saħħtu għar-rokna tal-Brażiljan Coutinho, iżda Newcastle wieġbu seba’ minuti wara, meta Joselu għeleb in-nasba tal-offside minn ballun fit-tul, avvanza u fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu meta Matip mess il-ballun, dan ħabat mal-istess Joselu u għeleb lil Mignolet.
Il-perjodu negattiv ta’ Everton kompla wara li tilfu 1-0 f’Goodison Park kontra Burnley. B’hekk Everton baqgħu mal-aħħar ħames timijiet fil-klassifika. Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fil-21 minuta meta Jeff Hendrick żmarka ruħu tajjeb f’nofs il-kaxxa l-kbira u b’xutt fil-baxx għeleb lil Jordan Pickford.