Juventus tilfu l-ewwel punti tagħhom fis-Serie A meta spiċċaw 2-2 kontra Atalanta fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia. Logħba li l-kontroversja ma naqsitx, b’żewġ deċiżjonijiet bil-VAR li qajmu protesti. Juventus kienu fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls b’FEDERICO BERNARDESCHI jiskorja l-ewwel gowl ma’ Juventus fil-21 minuta, b’GONZALO HIGUAIN jirdoppja tliet minuti wara, meta kkonkluda azzjoni mill-aqwa.
Atalanta naqsu d-distakk fil-31 minuta b’Mattia Caldara jkun pront jiskorja mir-rebawnd, wara li Buffon ma żammx free-kick ta’ Gomez. Juventus kienu għoddhom għamluhom 3-1 f’nofs it-tieni taqsima b’gowl ta’ Mario Mandzukic, iżda r-referee D’Amato ħassar il-gowl permezz tal-VAR wara li fl-azzjoni tal-gowl, Lichtsteiner deher jolqot bil-minkeb lil Alejandro Gomez.
Ftit minuti wara, Atalanta ġabu d-draw meta minn kross ta’ Gomez, daħal tajjeb BRYAN CRISTANTE li b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Buffon. Juventus kellhom il-possibbiltà li jmorru minn fuq fl-84 minuta meta ngħataw penalty għal dak li r-referee D’Amato ġġudika li Andrea Petagna mess il-ballun b’idu minn free-kick, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR. Iżda mill-11-il metru, Berisha salva x-xutt fil-baxx tal-Arġentin.
//= $special ?>