L-Oppożizzjoni se tkun waħda soda quddiem il-Gvern Laburista iżda se tkun ukoll Oppożizzjoni bi proposti kostruttivi li twettaq politika ta’ valuri u prinċipji.
Mal-gazzetta il-mument, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN David Agius tkellem dwar l-impenn tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’din il-leġiżlatura ġdida hekk kif għada jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf.
Tul l-intervista ma’ il-mument, David Agius qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun impenjata favur politika onesta, favur it-trasparenza, il-governabbiltà korretta u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet; istituzzjonijiet li tkissru mill-Gvern Laburista fl-aħħar leġiżlatura.
Hu żied li l-Oppożizzzjoni se tkompli tkun impenjata wkoll biex tressaq mozzjonijiet u liġijiet privati kif għamlet fl-aħħar leġiżlazzjoni meta l-Oppożizzjoni ressqet madwar 50 mozzjoni privata mid-Deputati Nazzjonalisti.
David Agius kompla li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkompli tkun ukoll soda fil-kritika tagħha għall-politika tal-Gvern iżda se ssib ukoll kunsens fejn ikun hemm l-interess nazzjonali involut. Kif għamlet fl-aħħar leġiżlatura, l-Oppożizzjoni se tkun ferm attiva fil-kumitati tal-Kamra fejn ikunu diskussi l-liġijiet li jkun se jressaq il-Gvern. Dan filwaqt li l-Oppożizzjoni se tkun qed tagħmel l-iskrutinju kollu neċessarju tal-operat tal-Gvern.
Fl-intervista, David Agius spjega l-proċedura li għandha twassal biex Adrian Delia jieħu post fil-Parlament, hekk kif il-Ġimgħa hu mistenni li jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Hawnekk, David Agius irrefera għad-deċiżjoni ta’ Jean Pierre Debono li jċedi postu, bil-Whip jgħid li din kienet deċiżjoni importanti għax b’hekk twettqet ir-rieda tal-Kunsilliera u t-tesserati.
Dwar il-ħidma tal-Grupp Parlamentari tal-PN David Agius qal li l-ewwel laqgħa tal-grupp taħt it-tmexxija tal-Kap il-ġdid Adrian Delia kienet pożittiva b’diskussjoni ta’ tliet sigħat u nofs dwar temi kurrenti li kienu jinkludu l-Baġit kif ukoll dwar liġijiet oħra li se jkun qed iressaq il-Gvern quddiem l-Parlament
Il-Whip spjega li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qiegħda tinsisti li fil-ġranet li ġejjien ikun hemm il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u se ssir kritika neċessarja dwar l-liġi dwar l-iskrutinju tal-persuni fil-ħajja pubblika.
David Agius fakkar li l-Oppożizzjoni diġà ressqet l-ewwel proposti tagħha bil-proposti dwar is-‘Samaritan it-Tajjeb’. Temm jispjega dwar il-mod kif kif il-PN se jkun qed jifforma l-politika tiegħu billi jkunu l-attivisti li jiddiskutu u jiddibattu l-politika; mod kif issir il-politika fejn il-PN ikun verament viċin in-nies u jkun jista’ jifhem dejjem aħjar il-bidliet li jkunu qed isiru fis-soċjetà.