Raġel ta’ nazzjonalità Ġermaniża kien salvat minn ħalq il-mewt grazzi għal intervent f’waqtu minn membri u voluntiera tas-Salib l-Aħmar.
L-inċident seħħ ftit qabel it-tlieta ta’ waranofsinhar fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa meta r-raġel kien qed jgħum u għal xi raġuni sab ruħu f’diffikultà. Kif tispjega Rita Fenech, voluntiera mas-Salib l-Aħmar, li spjegat dak kollu li seħħ.
“Smajna l-għajjat mill-baħar, għajjat għall-għajnuna,” bdiet tirrakkonta Rita. “Il-lifeguard qabad jgħum lejn il-pazjent, però kien hemm xi bystanders b’dinghy li rnexxielhom idaħħlu l-pazjent ‘il ġewwa sax-xatt,” żiedet tgħid waqt li spjegat kif malli ttella’ fuq ix-xatt, ir-raġel kien jidher kważi bla ħajja.
“Kien jidher prattikament mitluf minn sensieh, bilkemm kien konxju, u kien se jaqbad jiġi blu…sinjal ta’ nuqqas ta’ ossiġnu peresss li kien diġa niżel taħt l-ilma,” qaltilna Rita.
Fuq ix-xatt, il-membri tas-Salib l-Aħmar taw l-ewwel għajnuna lir-raġel sakemm fortunatament, il-pazjent ġie stabilizzat. U fortunatament kien dan l-intervent f’waqqtu li żamm lir-raġel f’sensih, fejn ftit ftit beda jirkupra.
Fuq il-post tkellimna wkoll ma’ Robert Brincau, Direttur tal-Malta Red Cross – li spjega li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, kull sekonda tista’ tagħmel differenza, waqt li appella għall-għarfien u l-attenzjoni.
“Sfortunatament mal-baħar hekk huma l-affarijiet,” qalilna Robert. “Mal-baħar, bejn ġurnata pożittiva bħal-lum għal ġurnata negattiva, hija ftit li tagħmel id-differenza,” żied jgħid waqt li nnota li fl-inċident tal-lum, l-għawwiem kien qed jgħum barra miż-żona tal-għawm, b’riskju li ma jintlemaħx mil-lifeguards.
“Fortunatament, kien f’post fejn xorta ntlemaħ, u għaldaqstant grazzi għal-lifeguard u għall-għajnuna ta’ min kien qed igawdi l-ġurnata, stajna nsalvaw ħajja oħra,” żied jgħid.
Mill-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, ir-raġel ittella’ fit-triq bil-vettura tas-Salib l-Aħmar u minn hemmek aktar tard ittieħed l-isptar Mater Dei, fejn NET News jinsab infurmat li issa jinsab f’kundizzjoni stabbli.
“Jew tista’ tgħin, jew ma tistax,” qaltilna Rita meta spjegat għaliex tħoss li għandha tgħin lil ħaddieħor permezz tal-Malta Red Cross. “Is-sekondi jagħmlu d-differenza, però kif rajna f’dan l-inċident, kieku m’aġixxejniex kollha flimkien fil-ħin, il-konsegwenzi setgħu kienu agħar,” temmet tgħid.
L-istaġun tal-lifeguards jagħlaq il-Ħadd, u b’hekk, l-għawwiema li jmorru jgħumu minn issa ‘il quddiem huma avżati biex joqgħodu aktar attenti.