Internazzjonali

Franza: Jinqatel wara attakk fuq in-nies f’Marsilja

Żewġ persuni, it-tnejn nisa,  tilfu ħajjithom meta aggressur armat b’sikkina ħebb għalihom fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ St Charles, fil-belt Franċiża ta’ Marsilja.

L-aggressur, wara, inqatel minn tiri li sparawlu l-qawwiet tas-sigurtà li wieġbu għall-emerġenza, bil-Pulizija fil-belt mal-ewwel toħroġ twissija lill-pubbliku biex jevita dik iz-zona. Sadanittant, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerard Collomb ma tilifx iż-żmien biex jivvjaġġa lejn Marsilja u jsegwi personalment l-aħħar żviluppi.

Skont l-aħħar rapporti, il-Pulizija f’Marsilja evakwaw l-istazzjon dritt wara l-attakk filwaqt li għalqu l-entraturi u t-toroq li jipprovdu aċċess lejn l-inħawi.

Il-Pulizija qed jitrattaw il-każ bħala wieħed terroristiku fost rapporti li l-qattiel kien spiċċa jattakka lin-nies innoċenti li nzertaw qribu. Ir-rapporti lokali qalu li l-aggressur anki darab lil xi persuni qabel spiċċa ‘newtralizzat’ mis-suldati.

It-truppi li fetħu n-nar fuq l-aggressur huma fost l-eluf ta’ membri tas-sigurtà armati li ilhom mill-aħħar ġimgħat tal-2015 jagħmlu r-ronda intensiva fit-toroq u l-hubs tat-trasport fl-ibliet prinċipali ta’ Franza.