Lokali

Kunflitt ta’ Interess minn Deborah Schembri

Kunflitt ta’ interess kbir.

Hekk qed tiġi deskritta l-ħatra ta’ Deborah Schembri bħala avukat fi ħdan l-Awtorità tad-Artijiet. Jassisti lil Deborah Schembri hemm il-perit u avukat Robert Musumeci.

Ftit xhur biss wara li l-istess Deborah Schembri wettqet riforma fl-istess awtorità, u wara li ma telgħetx fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju, Deborah Schembri dehret f’laqgħa tal-Bord tal-Arbitrazzjoni tal-Artijiet bħala avukat tal-awtorita.

Fuq Facebook id-Deputat Jason Azzopardi sejjaħ din il-ħatra bħala waħda tal-mistħija u sostna li Deborah Schembri kienet ħatret lil Carlo Cini bħala CEO tal-Awtorita tal-Artijiet li minn naħa tiegħu ħatar lill-istess Deborah Schembri bħala avukat fl-istess awtorità.

F’kummenti mal-ġurnal Malta Today l-Awtorita tal-Artijiet ikkonfermat il-ħatra ta’ Deborah Schembri.

Meta kkuntattjata mill-ġurnal The Sunday Times of Malta Deborah Schembri saħqet li l-ħatra tagħha ma kinitx xi pjaċir minn Carlo Cini. Hi qalet li matul is-sajf l-avukati tal-Awtorità tad-Artijiet telqu mill-kariga tagħha u l-Awtorita sabet ruħha mingħajr avukati b’tali mod li l-Awtorità kellha ddur fuqha biex tkompli tettwaq il-ħidma fi ħdan l-Awtorità.

Minkejja li l-awtoritajiet qed jiċhdu, il-Kelliem tal-PN ghall-Artijiet Ryan Callus qal li huwa biss il-Gvern li jaħti għal dan in-nuqqas ta’ avukati minhabba li l-avukati li kien hemm fl-awtorita telqu mill-kariga tagħhom xhur ilu wara n-numru ta’ promozzjonijiet inġusti li ingħataw fl-awtorità.