L-aġenzija tal-Pulizija Ewropea, l-Europol, bħalissa qed tinvestiga 54 każ importanti ta’ traffikar tan-nies fosthom xi wħud li orġinaw mil-Libja.
Fil-każ tal-Libja, l-Europol għandha biċċa xogħol iebsa peress li qed isibha diffiċili li tikseb ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Gvern tal-Prim Ministru Fayez Serraj ibbażat fi Tripli.
Skont dokument intern li sar pubbliku, hemm ukoll problema ta’ skambju ta’ informazzjoni imma d-dokument ta’ 13-il paġna tal-Europol jgħid li l-missjoni tal-EU għal-Libja u li bħalissa hi bbażata fit-Tuneżija qed isibha diffiċli biex ikunu identifikati awtoritajiet Libjani biex ikun hemm kooperazzjoni fil-ħidma kontra t-traffikar tan-nies.
L-Europol, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, ingħatat madwar 5,700 messaġġ b’informazzjoni dwar it-traffikar tan-nies minn pajjiżi membri tal-UE imma l-iskambju ta’ informazzjoni hi fqira biex biha jkun jista’ jsir xi ħaġa. Għalhekk, l-Italja u l-Greċja qed jintalbu li jsaħħu l-isforzi tagħhom fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni fost l-oħrajn mil-Libja.
L-Europol tinvestiga t-traffiku tan-nies mil-Libja


