Internazzjonali

L-Istati Uniti ‘f’kuntatt dirett’ mal-Korea ta’ Fuq

epa06235771 US Secretary of State Rex Tillerson (L) shakes hands with Chinese President Xi Jinping (R) before their meeting at the Great Hall of the People in Beijing, China, 30 September 2017. EPA-EFE/LINTAO ZHANG / POOL

 

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, qal li l-Istati Uniti tinsab ‘f’kuntatt dirett’ mal-Korea ta’ Fuq komunista u li Washington qed ‘jinvestiga’ l-possibbiltà ta’ taħditiet mar-reġim ta’ Pyongyang.

Tillerson kompla li ‘kulħadd għandu jsegwi l-iżviluppi’ waqt li hu kien għaddej bi żjara fiċ-Ċina. Hu qal li ‘s-sitwazzjoni mhix daqstant mudluma’ u li jeżistu linji ta’ komunikazzjoni mar-reġim tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un.

L-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar jiem u ġimgħat, infexxew f’diskors aggressiv u ‘perikoluż’ kontra xulxin, iżda din hi l-ewwel darba li ġew żvelati l-imsemmija ‘linji ta’ komunikazzjoni bejniethom’.

Aktar tard illum, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan aċċenna għall-fatt li hemm ‘il-mezzi ta’ komunikazzjoni miftuħa ma’ Pyongyang’, iżda qal ukoll li, għalissa, ma sarx il-progress mixtieq.

‘Minkejja li ngħataw l-assikurazzjonijiet li l-Istati Uniti mhix interessata f’li tippromwovi l-kollass tar-reġim fi Pyongyang, l-uffiċjali fil-Korea ta’ Fuq ma indikawx li huma interessati, jew huma lesti, għal taħditiet rigward id-denuklearizzazzjoni’, qalet Heather Nauert, kelliema għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

L-Istati Uniti trid li l-Korea ta’ Fuq tirtira mill-programm għall-iżvilupp tal-armi fejn, permezz tiegħu, ippruvat sensiela ta’ provi għall-missili, kif ukoll għall-materjal nukleari. Prova partikulari kienet għal bomba tal-idroġenu li kapaċi tkun stallata fuq missila li twassal fit-tul u li l-kelliema ta’ Pyongyang qalu li ‘irnexxiet’.

Fl-istess ħin, it-tentattivi għal djalogu mal-Korea ta’ Fuq qed jidhru ferm differenti mill-attitudni tal-President Amerikan Donald Trump fir-rigward tal-kriżi – bi Trump innifsu jtenni, ix-xahar li għadda, li ‘id-djalogu ( ma’ Pyongyang) ma joffri l-ebda soluzzjoni’.