Lokali

Laqgħa bejn l-għalliema tas-sewqan biex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem

Uħud minn dawk li attendew il-laqgħa tal-lum
Inkwiet u tħassib wara li Transport Malta ċaħditilhom mal-20 siegħa xogħol fil-ġimgħa

It-triq ‘il quddiem għall-għalliema tas-sewqan kienet diskussa waqt laqgħa li għaliha attendew mal-150 għalliem tas-sewqan, f’laqgħa organizzata mill-Motoring School Assocation.

Il-laqgħa saret wara deċiżjoni li ttieħdet aktar kmieni minn Transport Malta fejn ġie deċiż li m’għandux ikun hemm tagħlim tas-sewqan bejn is-7 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħodu, u bejn t-3.30 ta’ waranofsinhar u s-6 ta’ filgħaxija.

Waqt il-laqgħa bejn l-għalliema tas-sewqan, intlaħaq qbil li r-rappreżentanti tal-għalliema tas-sewqan għandhom jiltaqgħu ma’ Transport Malta f’laqgħa li mistennija ssir it-Tnejn jew it-Tlieta. Filfatt, kelliem tal-Motoring School Association qal li għalissa mhux se jingħataw kummenti lill-media, u li kwalunkwe kummenti jingħataw wara li ssir din il-laqgħa ma’ Transport Malta.

Id-deċiżjoni mhux biss qajmet rabja fost l-għalliema tas-sewqan, iżda qajmet ukoll inkwiet peress li din id-deċiżjoni effettivament tfisser mal-20 siegħa xogħol inqas fil-ġimgħa għall-għalliema tas-sewqan li jaħdmu fuq bażi ‘full-time’. Għalliema li jgħallmu fuq bażi ‘part-time’ waranofsinhar, ġew f’sitwazzjoni fejn tneħħielhom kważi l-ħin kollu li fih jistgħu jaħdmu.

Id-deċiżjoni ta’ Transport Malta ġiet komunkata lill-għalliema tas-sewqan permezz ta’ ittra. Ma jidhirx li ħareġ xi avviż legali biex din l-istruzzjoni tiddaħħal fis-seħħ u għaldaqstant hemm dubji dwar jekk id-deċiżjoni għandiex effett legali.

Fl-ittra li kienet intbgħatet, l-għalliema tas-sewqan kienu ġew mgħarrfa li fil-ħinijiet tar-rush hour jistgħu jgħallmu biss f’parkeġġi u spazji ‘l kbar barra mit-toroq arterjali jew distributorji. Imma ħafna għalliema tas-sewqan qed jistaqsu kif jistgħu jmorru jgħallmu f’dawn l-ispazji jekk l-anqas biss jistgħu jirfsu fit-toroq fil-ħinijiet indikati.

Sadanittant, fost l-għalliema tas-sewqan, hemm tħassib ukoll dwar il-mod kif id-deċiżjoni ta’ Transport Malta qed tkisser ir-reputazzjoni tal-għalliema tas-sewqan man-nies. NET News infurmat li fejn qabel kien hemm rispett bejn is-sewwieqa b’mod ġenerali u l-għalliema tas-sewqan, wara d-deċiżjoni, ħafna għalliema tas-sewqan qed ikollhom jiffaċċjaw abbuż kontinwu fil-ħinijiet li fihom ma jistax isir tagħlim.

Ħafna nies li tkellmu b’appoġġ għall-għalliema tas-sewqan staqsew għaliex Transport Malta għażlet li tneħħi lill-għalliema tas-sewqan mit-toroq meta, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, dawn huma l-aktar sewwieqa li jobdu r-regoli u jġibu rispett fit-triq.