Formula 1 Sport

Max Verstappen jirbaħ il-Grand Prix tal-Malasja

Il-mument li Max Verstappen qabeż lil Lewis Hamilton (Ritratt: EPA)

Max Verstappen irnexxielu jagħti rigal lilu nnifsu fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu meta rebaħ il-Grand Prix tal-Malasja b’wirja stupenda. L-Olandiż li għalaq 20 sena lbieraħ, beda mit-tieni filliera u wara li tela’ fit-tieni post fl-ewwel dawra, baqa’ viċin Lewis Hamilton biex irnexxielu jaqbeż lill-Britanniku u baqa’ jżomm il-quċċata għal rebħa impressjonanti.

Hamilton temm fit-tieni post, riżultat li xorta hu pożittiv għalih hekk kif kompla jżid il-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa. Daniel Ricciardo żamm il-pressjoni ta’ Vettel u kiseb l-aħħar post fil-podju. Għal mod kif żvolġiet it-tiġrija, ir-raba’ post ta’ Sebastian Vettel hu pożittiv, b’wirja stupenda li fiha beda mill-aħħar post.

Valtteri Bottas spiċċa fil-ħames post segwit minn Sergio Perez fuq Force India. Stoffel Vandoorne temm fis-seba’ post, bid-duo tal-Williams Lance Stroll u Felipe Massa jispiċċaw fit-tmien u d-disa’ post rispettivament, b’Esteban Ocon jikseb l-aħħar punt bl-għaxar post.

Fil-klassifika ġenerali, Lewis Hamilton issa jinsab b’281 punt segwit minn Sebastian Vettel b’247 punt u Valtteri Bottas b’222 punt. Daniel Ricciardo kompla jsaħħaħ ir-raba’ post b’177 punt u Kimi Raikkonen baqa’ b’138 punt. Max Verstappen issa jinsab fis-sitt post b’93 punt.