Il-Pulizija Kanadiża kkonfermat li qed tinvestiga azzjonijiet ta’ terroriżmu potenzjali wara inċidenti separati li seħħew f’Edmonton, fl-Istat ta’ Alberta, matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd.
F’inċident minnhom, pulizija f’karozza li kien qed jikkontrolla t-traffiku waqt logħba tal-League tal-Futbol Kanadiż, intlaqat minn karozza oħra misjuqa b’ċerta veloċità, bl-istess pulizija, imbagħad, jisfa attakkat b’sikkina mix-xufier. L-inċident seħħ barra l-Commonwealth Stadium ta’ Alberta fejn is-sewwieq ‘ħareġ u ta daqqiet ta’ sikkina’ lill-pulizija qabel ħarab bil-mixi. Il-pulizija midrub jinsab fl-isptar iżda mhux f’periklu tal-mewt.
Kien hemm ukoll każ fejn raġel li kien qed isuq vann laqat talanqas erba’ persuni qabel spiċċa arrestat mill-pulizija li kienu qed jiġru warajh bil-karozzi. Il-vann inkwistjoni spiċċa maqlub fuq ġenb waqt id-drama u l-pulizija qalu li x-xufier ‘kien qed isuq bil-ħsieb speċifiku li jolqot lil kulmin inzerta quddiemu’.
Intant, il-Pulizija qalet li bandiera tal-ISIS instabet f’waħda mill-vetturi li ntużaw fl-inċidenti. Jidher li r-raġel arrestat kien magħruf mal-awtoritajiet u waqt li l-pulizija temmen li hu kien qed jaġixxi waħdu, mhix teskludi l-possibbiltà li kien hemm ukoll ‘ħaddieħor involut’.
Il-kundizzjoni tal-midruba fit-tieni inċident ma kenitx magħrufa, bil-pulizija tiddetermina li l-inċidenti inkwistjoni għandhom ikunu investigati bħala azzjonijiet ta’ terroriżmu.
//= $special ?>

