Lokali

Minn Ħal Luqa għal Għajn Tuffieħa b’risq Pink October

Ritratt: PBS

Ottubru huwa x-xahar li fih titqajjem kuxjenza dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mard tal-kanċer fis-sider – u fl-ewwel jum tax-xahar, ġiet organizzata l-attivita’ annwali tal-Bike Ride ta’ Pink October.

L-attivita’ li għaliha attendew numru kbir ta’ parteċipanti – bdiet għal ħabta tal-10 ta’ filgħodu minn Triq il-Gudja f’Ħal Luqa, fejn għamlu triqithom waqt li kienu eskortati minn muturi tal-Korp tal-Pulizija, lejn il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa. Kienu bosta dawk li hekk kif spiċċat l-attivita’ faħħru l-organizzazjoni u l-għan nobbli ta’ din l-attivita’ fuq il-midja soċjali. Post fuq il-paġna uffiċjali tal-Pink October Malta saħansitra kompliet tistqarr li din is-sena l-attivita’ rat l-akbar ammont ta’ parteċipanti.

Issa, nhar l-20 ta’ Ottubru Pink October Malta se torganizza mixja mill-Kalkara sa’ Bormla matul il-lejl f’attivita’ oħra.

Pink October saret sinonima mal-għarfien u l-promozzjoni tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer, hekk kif madwar id-dinja kollha qed isiru attivitajiet sabiex jinġabru l-fondi għar-riċerka.

Għal dan il-għan, il-gazzetta Il-Mument u l-ġurnal In-Nazzjon żiedu ċoff roża fil-faċċata tal-ħarġa tal-Ħadd – biex jippromwovu u jingħaqdu mal-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer fis-sider.