Lokali

“In-nies mhux iħossu s-surplus” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr dan f'intervista fuq Radio 101

“Il-ġid li qed jinħoloq f’pajjiżna mhux qed jasal fil-bwiet tal-ħafna, u għalhekk in-nies qed jistaqsu fil-but ta’ min qiegħed imur is-surplus li jsemmi l-Gvern. In-nies mhux iħossu dan is-surplus”, dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li s-surplus ikun intlaħaq mill-fatt li l-Gvern ikun daħħal aktar flus milli ħareġ. Filwaqt li s-surplus minnu nnifsu hu aħbar tajba, dan jista’ jseħħ għal numru ta’ raġunijiet, qal Adrian Delia, fosthom li l-Gvern ikun intaxxa aktar jew inkella nvesta anqas fi proġetti kapitali. Hu staqsa jekk dan is-surplus hux qed jgħin liż-żgħażagħ li ma jistgħux jikru proprjetajiet għax il-prezzijiet huma wisq għoljin, jew lill-anzjani li bil-pensjoni ma jistgħux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħala prinċipju, l-Partit Nazzjonalista hu favur li jkun hemm għarbiel għal dawk li jkunu nominati għal karigi għoljin fis-settur pubbliku. Madanakollu, sostna Adrian Delia, qal li l-Gvern issa stenbaħ wara 4 snin li fihom għamel ħafna ħatriet. Fil-fatt, hu sostna li meta dawn il-persuni jiġu biex ikunu reappointed, għandu jsirilhom l-għarbiel. Adrian Delia qal ukoll li meta din il-liġi tiġi biex titwettaq, għandu jsir skrutinju effettiv, fejn il-mistoqsijiet ikunu jistgħu jsiru b’mod dirett u mhux kif qed jiproponi l-Gvern.

Mistoqsi dwar il-liġi tas-Samaritan it-Tajjeb li ġiet ippreżentata din il-ġimgħa mill-Oppożizzjoni, Adrian Delia spjega kif din il-liġi se tkun qed tagħti protezzjoni lil min jgħin lil ħaddieħor meta dan ikun f’diffikultà. Hu spjega kif sal-lum, il-liġi Maltija ma tiproteġix lil dak li jkun, u allura jkun hemm nies li jaħsbuha darbtejn jgħinux lil ħaddieħor minħabba biżà. Issa, b’din il-liġi, qal Adrian Delia, min se jagħmilha tas-samaritan it-tajjeb se jkun protett.

Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-edukazzjoni, hekk kif għada jiftħu l-bibien tagħhom għal sena skolastika ġdida l-Università ta’ Malta u l-MCAST. Adrian Delia qal li rridu nibdew inħarsu lejn l-edukazzjoni minn lenti differenti, fejn l-istudenti ma jkunux obbligati jitgħallmu dak li hu ta’ bilfors, iżda l-Gvern u l-edukaturi għandhom jaraw x’inhuma l-abbiltajiet tal-istudenti, u s-sistemi jiġu addattati għal dawk it-talenti. “Minflok l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet, imorru tajjeb, imma mbagħad jinsew kollox, irridu li s-sistema tinbidel għal waħda ta’ għarfien. B’hekk is-soċjetà f’Malta ta’ 20 sena oħra tkun ħafna aħjar minn dik tal-lum,” temm jgħid Adrian Delia.