Lokali

Pazjenti bla dinjità f’Mater Dei

Qraba jilmentaw li pazjenti fl-aktar mumenti vulnerabbli qegħdin jinżammu għall-kura bla privatezza ta' xejn

L-Isptar Mater Dei fil-jiem li għaddew – u issa b’mod aktar frekwenti – intlaqat minn kriżi serja ta’ nuqqas ta’ sodod bir-riżultat li għadd ta’ pazjenti spiċċaw rikoverati f’kurituri minflok fi swali.

Il-Mument tirraporta li sorsi fl-Isptar Mater Dei li fil-jiem li għaddew tkellmu mal-gazzetta u fissru s-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei bħala waħda li qed tikkaġuna ħafna tbatija fost il-pazjenti li jkunu kostretti jinżammu fuq trollies jew sodod temporanji fil-kurituri fejn ma jkollhom l-ebda benefiċċju ta’ privatezza.

Matul il-jiem li għaddew pazjent partikulari li kien qed jinżamm fuq trolley f’kuritur, għamel aktar minn disa’ sigħat jistenna sakemm ingħata sodda ġewwa sala partikulari. Matul dawn is-sigħat li hu dam fuq dan it-trolley f’kuritur kien imdawwar minn qraba li setgħu japprezzaw it-tbatija tal-iskumdità li beda jesperjenza dan il-pazjent. Dawn, mill-informazzjoni li kisbu mill-Isptar stess, infurmaw lil din il-gazzetta li s-soltu dawn it-trollies jintużaw biss biex pazjent ikun trasportat minn post għall-ieħor. Issa, invista tal-kriżi qawwija ta’ sodod f’Mater Dei jidher li pazjenti qed jingħataw trolley biex ikunu jistgħu jistrieħu fuqu!

Pazjent ieħor f’kuritur ukoll fl-Isptar Mater Dei u li kien f’mument verament ta’ dgħufija, spiċċa jirremetti ripetutament quddiem qrabatu u quddiem pazjenti u familjari tagħhom mingħajr ebda privatezza.

Qraba ta’ dan il-pazjent partikulari lmentaw dwar dan kollu; li dan il-pazjent fl-aktar mumenti vulnerabbli tiegħu flok kien qiegħed jinżamm xi mkien komdu fejn ikollu l-privatezza tiegħu rispettata, tħalla jistenna f’kuritur li minnu kienu l-ħin kollu għaddejjin in-nies. “Dawn huma affarijiet li ma għandhomx ikunu fil-konfront ta’ kull pazjent li għandu kull dritt li titħarislu d-dinjità tiegħu, l-aktar fl-iżjed mumenti fraġli tiegħu.”

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument spjegaw li l-kriżi tan-nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei qed twassal għal pressjonijiet żejda mit-Tmexxija tal-Isptar fuq swali diversi biex jeħilsu malajr kemm jista’ jkun mill-pazjenti li jkollhom, ħalli minflok jingħataw lil pazjenti oħrajn. “Xi drabi jkun hemm pazjenti li aħjar jagħmlu ġurnata jew tnejn oħra hawn, iżda dawn qed jispiċċaw jintbagħtu d-dar mal-ewwel ċans possibbli u ngħidulhom biex jibqgħu jirrikoveraw lilhom infushom fid-dar tagħhom, jieħdu l-mediċini preskritti lilhom, jistrieħu u f’każ li tinqalgħalhom xi ħaġa jkellmuna minnufih,” qalilna tabib li jservi ġewwa sala partikulari.

Dan kollu jikkontrasta ħafna mal-ftaħir tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li jgħid li issa daqshekk se jkun hemm pazjenti fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei. Madankollu, il-verità hi mod ieħor u tgiddeb dak li qal il-Ministru Chris Fearne hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm bosta pazjenti fil-kurituri ta’ Mater Dei u dan meta f’dawn il-kurituri ma hemmx faċilitajiet biex f’każi meħtieġa pazjenti jingħataw servizzi ta’ emerġenza, bħal meta pazjent ikollu bżonn ta’ intervent ta’ resuscitation.

“Erġajna ninsabu fi żminijiet meta pazjenti qed jinżammu fil-kurituri mingħajr rispett għad-dinjità tagħhom. Bla ebda privatezza. Inkwetanti tara pazjent jingħata t-trattament tad-drip fil-kuritur. Jew pazjent ieħor jokrob bl-uġigħ. Dawn huma affarijiet tal-mistħija fil-konfront ta’ pazjenti li jkunu fl-aktar mumenti fraġli u diffiċli tagħhom,” qalilna l-istess tabib li tkellem magħna.

Hu kompla li llum il-ġurnata l-problema tan-nuqqas ta’ sodod ma għadhiex waħda staġjonali – fix-xitwa jew fl-eqqel tas-sajf. Iżda saret waħda mifruxa tul is-sena kollha. U din hi t-tieni leġiżlatura ta’ dan il-Gvern li fiha din il-problema qed tkompli tippersisti bil-kbir u kollox jindika li l-Gvern ma għandu l-ebda soluzzjoni serja biex ikun jista’ jindirizzaha.

Sadattant, il-pazjenti jkomplu jbatu u jbatu magħhom ukoll il-qraba tagħhom li jaraw lill-għeżież tagħhom għaddejjin minn mumenti tassew diffiċli u b’nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjità tagħhom.

Is-sors li tkellem ma’ il-mument fisser li tajjeb li wieħed jirrealizza li fil-popolazzjoni Maltija hawn aktar minn 100,000 persuna li għandhom aktar minn 60 sena. Dan ifisser li kulma jmur il-popolazzjoni Maltija qed tikber fl-età u dan ifisser ukoll li l-Gvern irid jindirizza din il-problema u jassigura li jilqa’ għaliha.

“Jekk il-popolazzjoni tal-anzjani se tkompli tikber, jeħtieġ li jkollna aktar sodod u faċilitajiet għall-kura u kollox jindika li flimkien mas-sodod eżistenti, biex il-problema tkun indirizzata b’mod serju, hu li għall-għaxar snin li ġejjin il-Gvern jinvesti f’250 sodda oħra fl-isptarijiet tiegħu.

Il-Gvern preżenti jidher li mhux talli mhux jaħseb biex jindirizza din il-problema, talli ta l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-privat bir-riżultat li fl-Isptar San Luqa ma sar l-ebda rinnovament biex jipprovdi sodod ta’ emerġenza.”