Lokali

Pierre Portelli jirriżenja minn The Malta Independent; “Nemmen bis-sħiħ f’Adrian Delia”

The Malta Independent illum ħabbret li Pierre Portelli rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ direttur tal-ġurnal The Malta Independent.

F’kummenti li ta lill-The Malta Independent, Portelli sostna li jemmen bis-sħiħ f’Delia bħala l-Kap Nazzjonalista, u għalhekk se jappoġġjah bis-sħiħ biex jgħaqqad lill-partit u jibdel id-direzzjoni tal-gvern u l-pajjiż, jiġifieri d-direzzjoni ta’ pajjiż bla ruħ li qabad, temm jgħid Portelli.

Pierre Portelli żied jgħid li jrid jara li l-pajjiż ikollu politika nadifa u korretta, u dan ma jistax jagħmlu mill-qasam tax-xandir biss. Hu għalhekk li offra r-riżenja tiegħu.

Pierre Portelli ngħaqad ma’ Standard Publications Ltd f’Ottubru tal-2013 fejn implimenta strateġija ġdida li poġġiet lil The Malta Independent fuq quddiem nett f’dak li għandu x’jaqsam kumpaniji tal-midja lokali. Hu kien responsabbli wkoll mill-proċess ta’ ristrutturar intern sabiex il-kumpanija ttejjeb is-servizz tal-aħbarijiet online.

Pierre Portelli beda l-karriera tiegħu fil-midja mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.Link 25 sena ilu u aktar tard inħatar Kap tat-taqsima tal-Aħbarijiet u Broadcasting Editor. Fl-2004, flimkien mal-mara tiegħu Diane, Pierre Portelli waqqaf il-kumpanija Watermelon Media u pproduċew diversi programmi tat-Televiżjoni li wħud minnhom saħansitra kienu rebbieħa ta’ diversi unuri.

Bejn l-2008 u l-2011 Pierre Portelli rritorna fil-politika fejn serva bħala President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.

Ikkummenta