Napoli baqgħu b’punti massimi wara seba’ logħbiet b’rebħa ta’ 3-0 fuq Cagliari fi Stadio San Paolo. MAREK HAMSIK fetaħ l-iskor wara biss erba’ minuti meta kkonkluda azzjoni mill-isbaħ. DRIES MERTENS irdoppja l-iskor fl-40 minuta minn penalty biex KALIDOU KOULIBALY għamilhom tlieta fil-bidu tat-tieni taqsima b’xutt fil-baxx.
Inter wieġbu b’rebħa sofferta ta’ 2-1 kontra Benevento. Huma fetħu l-iskor fid-19-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ MARCELO BROZOVIC wara kross ta’ Antonio Candreva. It-tim ta’ Spalletti rdoppja tliet minuti wara meta reġa’ kien BROZOVIC li għeleb lil Belec bi free-kick perfett. Benevento daħlu fil-logħba qabel tmiem l-ewwel taqsima b’gowl minn angolu ristrett ta’ MARCO D’ALESSANDRO.
Lazio kisbu rebħa kbira ta’ 6-1 fuq Sassuolo fi Stadio Olimpico. Sassuolo fetħu l-iskor fis-27 minuta minn penalty ta’ DOMENICO BERARDI, iżda LUIS ALBERTO ġab id-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima minn free-kick. STEFAN DE VRIJ poġġa lil Lazio fil-vantaġġ fis-57 minuta b’daqqa ta’ ras, u minuta wara LUIS ALBERTO għamel l-iskor 3-1. MARCO PAROLO kompla jkabbar l-iskor fl-64 minuta, biex ħames minuti wara l-istess midfielder għamilhom 5-1. CIRO IMMOBILE ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem permezz ta’ penalty.
Chievo dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Fiorentina 2-1. Kienu Fiorentina li fetħu l-iskor wara sitt minuti b’daqqa ta’ ras ta’ GIOVANNI SIMEONE, iżda Chievo wieġbu f’nofs l-ewwel taqsima b’gowl mill-viċin ta’ LUCAS CASTRO, biex l-istess plejer skorja l-gowl tar-rebħa fil-bidu tat-tieni taqsima.
Draw ta’ 1-1 bejn Spal u Crotone. Spal fetħu l-iskor fid-39 minuta b’gowl mill-viċin ta’ ALBERTO PALOSCHI, iżda SIMMY NWANKWO ġab id-draw mas-siegħa logħob.
Verona salvaw punt fl-aħħar fi draw ta’ 2-2 kontra Torino, b’tal-aħħar imorru minn fuq man-nofs siegħa logħob meta IAGO FALQUE kompla għal ġewwa wara kross ta’ Ansaldi. Il-Granata rduppjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima b’azzjoni personali ta’ MBAYE NIANG. MOISE KEAN naqqas id-distakk fid-89 minuta, u minuta wara GIAMPAOLO PAZZINI ġab id-draw minn penalty.
//= $special ?>