L-attur u eksplejer tal-Futbol Amerikan, OJ Simpson, inħeles mill-ħabs taħt ċerti kundizzjonijiet qabel ikkonkluda l-perjodu ta’ ħabs massimu u wara li hu laħaq skonta disa’ snin priġunerija.
OJ Simpson kien weħel il-ħabs għal serq armat, kif ukoll għal każ ta’ aggrediment b’arma u għaxar akkużi oħra relatati għal konfront li seħħ fl-2007 f’lukanda ta’ Las Vegas.
L-attur kien approvat għas-sistema ta’ parole ( li tagħti libertà lil priġunier qabel jiskonta s-sentenza sħiħa) waqt smigħ tal-bord tal-Ħabs ta’ Nevada, f’Lulju li għadda.
OJ Simpson, fl-1995, kien maħfur mill-akkuża li qatel lill-eksmara tiegħu, Nicole Brown Simpson u seħibha, Ron Goodman.
In-Nevada Department of Corrections bagħat ritratt u filmat ta’ OJ Simpson, li għandu 70 sena, qed jiffirma d-dokumenti kmieni dalgħodu qabel telaq mil-Lovelock Correctional Centre. L-eksattur, intant, għandu jiffaċċja numru ta’ restrizzjonijiet u kundizzjonijiet għal-libertà, fosthom mandat għal, talanqas, ħames snin superviżjoni.
OJ Simpson, fl-2008, kien ikkundannat għal massimu ta’ 33 sena ħabs wara li daħal f’kamra ta’ lukanda f’Las Vegas, flimkien ma’ ħames persuni oħra, f’attentat biex jaħtaf oġġetti mingħand żewġ negozjanti tal-memorabilia sportiv. Simpson qal li l-oġġetti, li hu stess fisser bħala ‘materjal assoċjat ma’ familtu u l-ħbieb’, ‘il quddiem ingħatawlu lura mill-uffiċjali li qablu li l-materjal inkwistjoni kien legalment tiegħu.
OJ Simpson hu wieħed mill-aktar plejers famużi fl-istorja tal-Futbol Amerikan wara li kiser kull tip ta’ rekord għall-iskwadra Buffalo Bills tan-National Football League (NFL).
Wara li rtira mill-isport, fl-1979, Simpson sar magħruf ukoll bħala attur tal-films, b’mod partikulari għar-rwol tiegħu fis-sensiela The Naked Gun.
//= $special ?>

