L-elezzjonijiet għall-għażla taż-żewġ Viċi-Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista aktarx li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Novembru li ġej, u mhux sal-aħħar ta’ Diċembru kif indikat aktar kmieni.
Dan kien żvelat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista waqt l-ewwel edizzjoni tal-programm ‘NET Live’ fl-iskeda l-ġdida ta’ NET Television.
“Naħseb li se jirnexxielna nagħlqu l-elezzjonijiet tal-Viċi-Kapijiet sal-aħħar ta’ Novembru b’mod effettiv sabiex il-proċess intern tal-Partit Nazzjonalista jkun għalaq, u t-tim ġdid ta’ tmexxija jkun jista’ jibda jikkonċentra kemm jista’ jkun malajr fuq l-isfidi veri li għandna; jiġifieri li nkunu Oppożizzjoni kemm jista’ jkun b’saħħitha għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” qal Adrian Delia fl-intervista.
Fl-istess intervista, Adrian Delia qal li fl-ewwel ġimgħatejn bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, hu beda jiltaqa’ ma’ aktar nies involuti fil-Partit Nazzjonalista, kemm mil-lat kummerċjali kif ukoll mil-lat politiku.
Waqt li qal li fil-Partit Nazzjonalista hemm entużjażmu kbir fost in-nies, qal li l-pjan ‘short term’ huwa li jorganizza aħjar il-funzjoni tan-nies li se jkunu qed jaħdmu l-aktar qrib tiegħu, biex minnufih tibda l-ħidma organizzata li tħalli l-frott aktar ‘il quddiem.
“Fl-immedjat irridu naraw li nikkonsolidaw dak kollu li hemm waqt li nagħmlu t-tibdiliet li hemm bżonn biex l-istruttura tagħmilha aktar effiċjenti u iktar effettiva,” spjega l-Kap tal-PN.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-pjan ‘medium term’, jiġifieri l-pjan li minn hawn u erba’ snin u nofs oħra, il-Partit Nazzjonalista jkun kapaċi jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jfakkar li f’nofs dan it-traġitt hemm ukoll l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew – elezzjonijiet li ddeskrivihom bħala ‘stepping stone’ biex il-partit jasal sal-elezzjoni ġenerali.
Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq kollox iżid jitkellem dwar il-pjan ‘long term’. “Filwaqt li l-pjan ‘medium term’ huwa li l-Partit Nazzjonalista jkun aktar strutturat biex jirbaħ dawn l-isfidi elettorali, il-pjan ‘long term’ huwa li l-PN ikun fil-Gvern fejn ikun jista’ joffri alternattiva ta’ Gvern liċ-ċittadini kollha b’mod li ntejjbu l-ħajja tan-nies b’mod mill-aktar effettiv,” temm jgħid Adrian Delia.
Waqt l-intervista ma’ Lisa Spiteri, Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-esperjenza personali tiegħu u tal-familja tiegħu f’dan il-vjaġġ ġdid fil-politika.
//= $special ?>