Lokali

FILMAT: “Xokk kbir; kulħadd imbeżża’ u mwerwer” – Sagristan jirrakkonta x’ġara meta sajjetta laqtet il-Knisja taż-Żurrieq bin-nies fiha

Is-sajjetta tikkawża wkoll ammont sostanzjali ta' ħsarat

“Xokk kbir. Kulħadd imbeżża’ u mwerwer.” Hekk iddeskriva l-ambjent fil-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żurrieq is-Sagristan Anthony Zerafa, li ma’ NET News irrakkonta x’ġara meta sajjetta kbira laqtet il-Knisja taż-Żurrieq bin-nies fiha.

Is-sajjetta laqtet il-Knisja kmieni filgħodu. “Kellna l-aħħar quddiesa fit-tmienja neqsin kwart… fit-8am tlajt fuq il-kampnar biex indoqq it-tmienja. Daqqejt żewġ tokki inqas minħabba x-xita, u kif lestejt, għalaqt il-bieb tal-kampnar, inżilt fil-Knisja u ttawwalt minn waħda mill-antiporti tal-ġnub. Fid-daqqa u l-ħin tfaqqa’ sajjetta kbira li jiena mill-ewwel kważi waqajt mal-art,” qalilna Anthony Zerafa.

Anthony jirrakkonta x’bdew iħossu n-nies fil-Knisja fil-mument li s-sajjetta laqtet il-Knisja. “Kien hawn xokk kbir. Ma tistax tiddeskrivi dak il-ħin…ġifieri qisu kulħadd ixxukkjat, imbeżża’,” beda jgħid. “Kien hawn paniku. Biżżejjed ngħidlek – suppost, kif spiċċat il-quddiesa, beda r-rużarju. Qishom in-nies l-anqas felħu jgħiduh, tant li kellna nsaqsuhom ‘mela mhux ħa ngħiduh ir-rużarju?’

Is-Sagristan qalilna li anke hu beża’ malli faqqgħet is-sajjetta. “Tal-għaġeb… jiġifieri anke jien stess ixxukkjajt. Għax inzertajt eżatt kif ftaħt l-antiporta u ħiereġ nittawwal barra x’ħin faqqgħet,” irrakkuntalna s-Sagristan.

Dak il-ħin, il-Kanonku Dun Karm Busuttil, li kien qed iqaddes, ta struzzjoni lis-Sagristan biex jitfi’ d-dawl. “Fil-pront nidħol fil-kor u mill-ewwel xammejt riħa ta’ ħruq. Indunajt li s-sajjetta ħarqitilna s-sistema tal-amplifier,” qalilna Anthony.

Dun Karm Busuttil, il-Kanonku li dak il-ħin kien qed iqaddes, qalilna li f’daqqa waħda ra dawl kbir u malli faqqgħet is-sajjetta, qamet kommossjoni kbira fil-Knisja.

Uħud li kienu l-quddies, qalu li raw lill-Qassis jaqa’ bil-ħasda. Eku ta’ dak li kien ġara madwar tletin sena ilu fl-istess Knisja – kif jirrakkonta s-Sagristan.

“Tletin sena ilu kien se jikkonsagra x’ħin ġara hekk. Illum, x’ħin faqqgħet is-sajjetta, il-Qassis kien ħa jitqarben. Ukoll kien bis-sagrament f’idejh. Tletin sena ilu ġara eżatt l-istess, l-Arċipriet li kien qed iqaddes dak iż-żmien, waqa’ u għajjat għajta. Speċi llum qisu ġara dak li ġara snin ilu,” irrakkonta s-Sagristan.

Għalkemm is-sajjetta kkawżat xi ħsarat, Anthony s-Sagristan jgħidilna li l-importanti li ma weġġa’ ħadd. “L-importanti li ma’ weġġa’ ħadd,” qalilna Anthony. “Nirringrazzjaw lil Alla, lil Madonna u lil Santa Katarina,” temm jgħid bi tbissima.