Lokali Parlament

Għandha issir kampanja edukattiva dwar il-kompetizzjoni ġusta

– David Agius, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Agius appella biex issir kampanja edukattiva dwar id-drittijiet tal-poplu Malti fil-kuntest tal-komeptizzjoni ġusta.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar il-Liġi tal-Kompetizzjoni Ġusta, David Agius qal li l-Liġi tal-Kompetizzjoni tirriferi għad-direttiva tal-UE u jirregola l-azzjonijiet għad-danna f’każi ta’ ksur tal-Liġi tal-Kompetizzjoni. Hu kompla li bħala prinċipju l-PN jaqbel ma’ din id-direttiva għaliex kien Gvern Nazzjonalista li fl-2011 ressaq numru ta’ inizjattivi biex tirregola f’dan ir-rigward dwar l-azzjonijiet għad-danni.

Malta kienet anki antiċipat lill-UE f’dan il-qasam, sostna David Agius, li kompla li l-Gvern għandu jispjega jekk hemmx il-ħsieb li l-Att dwar il-Kompetizzjoni jinġieb konformi mal-Kostituzzjoni Maltija. Il-Gvern għandu jispjega jekk hux se jippubblika White Paper f’dan ir-rigward. Hu appella biex isir monitoraġġ tar-regolaturi biex ikun analizzat b’liema mod il-pubbliku u s-settur tal-kummerċ qed jibbenifkaw minn dawn id-direttivi.

David Agius kompla li l-pajjiż qiegħed tard biex jimplimenta din id-direttiva u appella biex issir kampanja ta’ edukazzjoni dwar id-drittijiet li għandhom iċ-ċitaddini Maltin.