– Edwin Vassallo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li kull deputat għandu d-dritt tiegħu li jkollu d-dritt salvagwardat u garantit.
Fl-Aġġornament tal-parlament tat-Tnejn Edwin Vassallo tkellem dwar l-esperjenza li għadda minnha fil-parlament dwar il-liġi tal-ugwaljanza bejn is-sessi u faħħar il-mod kif il-Kap tal-PN Adrian Delia ħa bis-serjetà l-kwistjoni tal-vot ħieles. Hu dritt ta’ kull deputat li ma jkunx imsaħħaħ minn dak li jemmen fih u li ma jkunx imxekkel b’dak li jemmen fih.
Edwin Vassallo qal li l-Prim Ministru jemmen li d-deputati m’għandhomx jingħataw free vote għaliex id-deputati jkunu jafu minn qabel fil-programm elettorali fuq x’hix se jivvutaw.
Hu qal li meta jkun hemm wegħdi ġeneriċi li d-deputati m’għandhomx ikunu marbuta bihom. M’hemmx bażi fuq x’hix il-Prim Ministru jistenna li kull deputat bilfors irid jivvota favur kull emenda li se titressaq dwar l-IVF.
Il-wegħda dwar l-IVF kif inhi fil-programm elettorali ma tfissirx li l-gvern għandu awtorizzazzjoni awtomatika biex il-gvern iressaq kull liġi li titratta l-ħajja jew il-mewt ta’ embrijuni. Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru hi diżonesta politika, sostna Edwin Vassallo, li kompla li kull deputat għandu dritt jivvota kif irid. Hu qal li hu jemmen fil-libertà ġenwina u mhux f’dik falza.
Edwin Vassallo sostna li fuq kwistjonijiet morali d-deputati għandhom jingħataw il-vot liberu u qal li l-vot ħieles hu dritt fundamentali ta’ kull persuna. Hu qal li d-deputati għandhom isibu d-difiża tad-drittijiet fundmentali fl-Ispeaker tal-Parlament.
Edwin Vassallo semma l-messaġġ tal-Prim Minħallef fil-ftuħ tas-sena forensi fejn tratta l-weġgħat tan-nies quddiem id-drittijiet bażiċi tagħhom. Hu appella lill-Ispeaker biex jitkellem dwar l-awtorità morali.
Edwin Vassallo qal li jirriżulta li deputati Insara qed isibu intolleranza fil-parlamenti Ewropej biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.
Fi tmiem id-diskors ta’ Edwin Vassallo, intervjena l-Ispeaker Anġlu Farrugia li qal hu dejjem ipproteġa dan id-dritt.
//= $special ?>