Lokali

Ikomplu l-każijiet ta’ ‘pickpocketing’ – Żewġ nisa arrestati f’Tas-Sliema

Żewġ nisa ta’ nazzjonalità Bulgara ġew arrestati mill-Pulizija hekk kif l-uffiċjali rawhom jisirqu kartiera minn basket ta’ mara li kienet qed tistenna tal-linja fuq il-Bus Stop fi Triq it-Torri, Tas-Sliema.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.00am meta wara rapporti ta’ pick-pocketing f’għadd ta’ zoni madwar tas-Sliema u San Ġiljan, il-Pulizija intensifikaw l-investigazzjonijiet tagħhom, liema investigazzjonijiet waslu sabiex qabdu liż-żewġ ħallelin fil-fatt.

Skont l-istħarriġ tal-Pulizija waħda minnhom kienet qed isservi bħala spotter filwaqt li l-oħra ħatfet il-kartiera. Filwaqt li ġew arrestati minnufih, iż-żewġ Bulgari ta’ 23 u 36 sena rispettivament, mistennija jitressqu l-Qorti matul il-ġurnata ta’ għada.